L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
“Intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għal-ġid tagħkom” (Ef 3:2). Din il-kelma ta’ San Pawl, tgħodd ukoll għalikom. Itolbu biex dejjem tagħrfu u tifhmu li s-Sagrament taż-Żwieġ, li dħaltu għalih bil-kunsens ta’ bejnietkom, huwa għalikom pjan tal-grazzja ta’ Alla. Aħna, meta ngħidu l-kelma grazzja, irridu nfissru mħabba, ħniena u paċenzja. Jiena nispera u nawgura li ħadtu grazzja b’xulxin xi darba, u li meta tħarsu lejn xulxin forsi għadkom tiftakru dik ix-xrara tal-bidu, bejn argument u ieħor. Imma tinsewx li dik it-tbissima u l-ħarsa tal-bidu, il-bewsa tal-bidu, huma pjan tal-grazzja ta’ Alla: imħabba, ħniena u paċenzja.
Aħna qegħdin nagħmlu l-festa kbira ta’ dan Alla li biex jurina l-milja tal-grazzja tiegħu, il-milja tal-imħabba, tal-ħniena u tal-paċenzja, sar tarbija. Jiena nitlob fuqkom u nawguralkom, kulħadd skont il-possibbiltà tiegħu, skont is-sejħa tagħkom, li ssiru ġenituri, li jkollkom il-grazzja li tħaddnu lil uliedkom, u tkunu għalihom ukoll grazzja; tkunu għalihom ukoll imħabba, ħniena u paċenzja. Aħna qegħdin nagħmlu l-festa ta’ din it-tarbija li bit-tbissima tagħha, bil-bikja tagħha, bil-bżonn kollu li għandha, bid-dipendenza fuq kull wieħed u kull waħda minna, għax din it-tarbija tiddependi fuq kollox. Niddeċiedu aħna jekk titwelidx jew le, niddeċiedu aħna tikolx jew le, niddeċiedu aħna titfisqiex jew le. It-tarbija hija ħlejqa vulnerabbli b’mod totali, imbagħad bil-mod il-mod tinfatam mid-dipendenza kollha.
Alla sar tarbija, Alla sar vulnerabbli, dipendenti għal kollox mill-għożża tagħna. F’din id-dinja ddeċieda li jkun f’idejn din il-koppja, Marija u Ġużeppi, li flimkien mal-Iben, ma’ Ġesù, jiffurmaw il-familja ta’ Nazaret. Imma llum il-Mulej jixtieq, u aħna dan li qed niċċelebraw, li jkun dawl għall-ġnus.
Lill-Maġi, għorrief tal-Lvant, x’aktarx mill-Persja, fejn illum hemm inkwiet kbir, kellimhom b’lingwaġġ li jifhmu, bil-lingwaġġ tal-astronomija u l-astroloġija wkoll, għax dak iż-żmien iż-żewġ xjenzi kienu ħaġa waħda. Il-kwiekeb u l-movimenti tagħhom, u l-mistoqsija: imma dan kollu xi jfisser? “Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2), infittxuh. Fil-Maġi hemm istint qawwi tat-tfittxija. X’qegħdin ifittxu? Qegħdin ifittxu dawl.
Ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Mattew jitkellem dwar il-ferħ ukoll. Kienet tfittxija ferħana. Jiena dan nawguralkom ukoll, li intom tfittxu fl-imħabba ta’ bejnietkom, li għandha l-mumenti ta’ dlam u ta’ diffikultà bħal kull imħabba, li tkomplu tfittxu lill-Mulej, lil Ġesù, li għalikom din it-tfittxija tkun dawl u ferħ. Imma l-Mulej fittxuh ukoll meta l-piż ikun tqil; fittxuh ukoll meta tħossukom weħidkom, individwalment, avolja fil-koppja; fittxuh ukoll meta tkunu ttentati, għax forsi tal-ġara jfuħ iżjed l-ikel li trid. Itolbuh, ħossuh magħkom.
Ifhmu li jiġri x’jiġri minnkom, għalikom il-Mulej huwa grazzja, huwa mħabba, ħniena u paċenzja. Kunu dan għal xulxin. Għal xulxin kunu mħabba ta’ vera li tagħti ħajtek, allura tinsa lilek innifsek. Mhux faċli. Li tkunu ħniena, għax li taħfer huwa l-ikbar att ta’ mħabba. Il-maħfra kapaċi tibdel storja ta’ biki u ta’ negattività f’xi ħaġa sabiħa, bidu ġdid; imma l-ewwel wieħed irid jgħaddi mill-proċess tal-maħfra reċiproka; il-paċenzja, li hija l-lingwaġġ ta’ kuljum tal-imħabba.
Jiena, fl-aħħar ta’ din il-Quddiesa, se jkolli l-pjaċir kbir li nsellmilkom koppja koppja, u se nagħtikom kurċifiss. Tgħiduli, imma llum mhux il-Ġimgħa l-Kbira, imma l-Epifanija. Ħarsu lejn Ġesù b’idejh miftuħa, bil-kustat tiegħu miftuħ għalina, u itolbuh imħabba, ħniena u paċenzja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta