L-Omelija tal-Isqof Ġorġ Frendo O.P. fil- Quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu fis-sena 2023

Ftit jiem ilu ċċelebrajna l-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù. Ġieli staqsewni, ‘imma Ġesù li ma kellu l-ebda dnub, għaliex tgħammed?’ meta l-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista kienet magħmudija tal-midinbin, biex jitolbu maħfra għall-dnubiethom. Però Ġwanni l-Evanġelista, f’dan l-Evanġelju jgħidilna għaliex Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni l-Battista. Għaliex Ġwanni l-Battista kellu juri min hu Ġesù. Fil-fatt hawnhekk jgħid: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla’” (Ġw 1:33-34).

Għaliex Ġesù huwa msejjaħ ‘Ħaruf’? Ma nafx jekk qattx kellkom l-okkażjoni taraw lil xi ħadd joqtol ħaruf. Jien darba kelli ċans, meta kont l-Albanija. Għamilt 25 sena hemmhekk. Imma darba wieħed raġel, li kien jgħix f’gebuba u li konna għinnieh biex almenu jibni żewġt ikmamar — kienu familja kbira — biex ipattilna, ġabilna ħaruf. Rajtu joqtlu. Imma ħaġa tal-għaġeb, tant impressjonajt ruħi meta rajt lil dan il-ħaruf ma jagħmel l-ebda reżistenza; annimal tant ġwejjed. Għalhekk Ġesù huwa mxebbah mal-ħaruf, għaliex fil-fatt huwa dak li ma għamel l-ebda reżistenza, lanqas meta għajruh, lanqas meta arrestawh, sawtuh u sallbuh.

Dan Hu Ġesù; imma huwa wkoll dak li niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. Huwa dejjem mimli bl-Ispirtu s-Santu. San Luqa jurina ħafna ċar kif l-Ispirtu s-Santu ħadem f’Ġesù. Ġesù huwa msejjaħ ukoll, kif smajna fl-ewwel qari, ‘il-Qaddej’, huwa l-qaddej ta’ Alla.

Dak li jingħad dwar Ġesù, l-Evanġelisti jridu li aħna nifhmu li dan jgħodd għalina wkoll. Veru li aħna m’aħniex l-Iben ta’ Alla, però, kif kien qal wieħed kittieb kbir tas-seklu III, Tertuljanu: ‘In-Nisrani huwa Kristu ieħor’. Aħna Kristu ieħor, imsejħin biex inkunu qaddejja. Issa fl-Iskrittura, li wieħed jissejjaħ ‘qaddej’, dan kien titlu ta’ unur, ta’ ġieħ. Li aħna nissejħu ‘qaddejja ta’ Alla’, u anke ‘qaddejja tal-oħrajn’ huwa għalina titlu ta’ ġieħ.

Imbagħad Ġesù jkompli jurina aħna min aħna. Hu, mimli bl-Ispirtu s-Santu, illum qed ifakkarna li aħna wkoll irċivejna l-Ispirtu s-Santu. Mhux irċevejnieh darba għal dejjem u daqshekk. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jibqa’ jaħdem fina, jgħaqqadna flimkien fl-imħabba, jimliena bil-ferħ. Il-ferħ, fil-fatt, huwa wieħed mill-frott tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li jagħtina l-paċi, l-għaqda.

San Pawl, fit-tieni qari li smajna, qed jindirizza lin-nies ta’ Korintu bħala: “il-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu” (1Kor 1:2). Nafu li San Pawl ġie Malta, imma sfortunatament ma ħallielna l-ebda ittra; imma kieku kellu jiktbilna ittra, kien jindirizzaha proprju b’dawn il-kelmiet: ‘il-Knisja ta’ Kristu li qiegħda f’Malta’. Mhux biss, imma qiegħed isejħilhom: qaddisin “li tqaddsu fi Kristu Ġesù” (1Kor 1:2). Din hija s-sejħa tagħna lkoll. Aħna msejħin għall-qdusija.Il-magħmudija li aħna rċevejna ma qaltilniex: ‘inti trid tkun tajjeb’; qaltilna xi ħaġa iżjed: ‘inti trid tkun qaddis’.

Ħa nindirizza lilkom, speċjalment għarajjes, li msejħin għall-qdusija permezz tal-istat li se tidħlu għalih : l-istat taż-żwieġ. Tinsewx li se tiżżewġu fil-Knisja, u ż-żwieġ għalikom ifisser ‘Sagrament’. Tafu x’inhu Sagrament hux hekk? Mhuwiex sempliċiment ċerimonja fil-knisja, imma huwa laqgħa ma’ Kristu. Kristu, li se jiltaqa’ magħkom, se jgħaqqadkom flimkien; imma se jiggarantilkom ukoll il-preżenza tiegħu. Se jorbotkom flimkien biex jibqa’ magħkom. Irid jibqa’ magħkom, mhux biex jagħmlilkom il-ħajja iktar diffiċli tafux; għall-kuntrarju, biex jikkomunika lilkom dik l-imħabba li tkompli ssaħħaħ l-għaqda tagħkom fl-imħabba. Intom diġà qegħdin f’din l-avventura ta’ mħabba, tasal fil-quċċata dakinhar li tiżżewġu. Ftakru wkoll li ż-żwieġ ma jfissirx li issa wasaltu fejn kellkom taslu. Maż-żwieġ qegħdin tiftħu paġna ġdida, kapitlu ġdid fil-ħajja tagħkom li jitlob minnkom fedeltà, indissolubbiltà. Ma ninsewx dawn il-kwalitajiet. Illum forsi saru sfida, għaliex qegħdin f’dinja ta’ tant pornografija, f’dinja fejn teżisti nuqqas ta’ stabbiltà, u sfortunatament għalhekk kultant niltaqgħu ma’ żgħażagħ li forsi qed jgħixu flimkien, imma qed jibżgħu li jagħtu l-pass taż-żwieġ. Jibżgħu, għaliex ma jħossux li għandhom jgħidu ‘iva’ darba għal dejjem.

Imma intom temmnu fi Kristu? Temmnu li Kristu se jgħaqqadkom? Allura emmnu wkoll li hu se jibqa’ magħkom. Jiggarantilkom il-preżenza tiegħu li tgħinkom biex tħarsu l-fedeltà lejn xulxin, biex tifhmu li hija rabta sal-mewt, u rabta fi mħabba li tikber, ma tixjieħx. Ibqgħu dejjem bil-bieb miftuħ għal Kristu fil-ħajja tagħkom. Anzi roddulu ħajr. Qisu lil xulxin bħala don għal xulxin. Għidulu lill-Mulej: Grazzi Mulej għar-raġel tiegħi, u semmi ismu. Grazzi Mulej għall-mara tiegħi, u semmi isimha. Intom doni għal xulxin. Ifhmuh dan, irringrazzjaw lil Alla għal xulxin.

Fl-aħħar nett, meta mbagħad ir-rabta tagħkom ma tibqax rabta ta’ tnejn, imma ta’ tlieta, ta’ erbgħa — għaliex il-familja tagħkom tikber — dejjem ftakru li l-ulied huma l-frott tal-imħabba tat-tnejn indaqs, tnejn indaqs fid-dinjità. Iż-żwieġ mhuwiex rabta bejn wieħed li jikkmanda u waħda li tobdi; hija rabta bejn tnejn li huma ndaqs fid-dinjità. Meta Alla ħalaq il-bniedem, qal: “ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Ix-xbieha ta’ Alla hija daqskemm hi fir-raġel hija wkoll fil-mara.

Jalla d-dar tagħkom, il-familja tagħkom, tkun skola. Skola għalikom it-tnejn li titgħallmu minn xulxin; ‘il quddiem, jekk Alla jrid, anke għal uliedkom. Jien tlift lil missieri meta kelli 10 snin, kont żgħir. Però, kull meta nidħol f’din il-knisja niftakar meta bħala tifel żgħir kont niġi miegħu, kien dejjem jagħmel żjara quddiem is-Sagrament, u jżur il-kappella tal-Madonna ta’ Caraffa. Ħaġa oħra li niftakar hi li għall-birthday ta’ ommi, wara x-xogħol, kien dejjem jgħaddi jixtri kaxxa pasti għall-familja. Konna numru kbir fil-familja dak iż-żmien. Però, kemm tifkiriet ta’ tfulija jibqgħu. Jalla wliedkom, l-ulied futuri tagħkom, jibqgħu dejjem jgħożżu l-eżempji sbieħ illi intom se tagħtuhom. Intom tkunu l-ewwel edukaturi ta’ wliedkom.