Diskors ta’ Mgr. Carmel Attard fil- ftuħ ta’ Sena Pastorali 2023.
Fit-triq ta’ Għemmaws
(Mk 16,12-13)
“Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Bdejna din iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla – il-Ftuħ tas-sena Pastorali 2023/2024 bis-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa : ir-rakkkont ta’ Emmaws.
Dan huwa rakkort straordinarju u stupend. Żewġ dixxipli, li wieħed minnhom jismu Kleofa u l-ieħor ma nafux x’jismu. Għalhekk dak li m’għandux isem nista’ nkun jien u int.
Żewġ dixxipli sejrin lejn djarhom fir-raħal tagħhom – Emmaws.
Żewġ dixxipli diżappuntati u diżillużi.
Imma żewġ dixxipli jiddiskutu bejniethom ‘fuq kull ma kien ġara’. Dan il-kumment ta’ Luqa huwa importanti ħafna, għaliex minkejja d-diżappunt tagħhom, dak li kien ġara kien jinteressahom ħafna. Żgur li interess tagħhom kien ‘ Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel’.
Imma mument importanti f’din il-mixja kien meta Ġesu nnifsu resaq lejhom u baqa miexi magħhom. Imma huma kellhom qalbhom magħluqa u ma ntebħux minn kien.
Jista’ jkun li aħna wkoll ninsabu f’din l-istess sitwazzjoni. Inħossuna diżillużi, diżappuntanti u forsi wkoll frustrati. Din ma tkunx l-ewwel darba għax fil-ħajja tal-Knisja dejjem kien hemm dawn is-sitwazzjonijiet.
Bħalissa ninsabu f’nofs esperjenza fil-Knisja Universali bl-esperjenza tas-Sinodu – esperjenza ta’ mixja flimkien – fejn kif qalilna l-Papa ħadd m’għandu jibqa’ lura. Għalhekk it-tema tas-Sinodu hi mibnija fuq tliet pilasti : Komunjoni, parteċipazzjoni u Missjoni.
Jiena nemmen li dawn it-tlett temi, barra li huma l-mixja tal-Knisja Universali, għandhom ikunu id-direzzjoni tal-Moviment ta’ Kana mhux biss għas-sena li ġejja imma wkoll għas-snin li ġejjin speċjalment issa li se jkun hemm dirazzjoni ġdida.
Kien għal dan il-għan li dan l-aħħar il-Kunsill tal-Moviment ta’ Kana irrifletta ħafna fuqu nnifsu permezz ta’ diskussjonijiet interni. Għalhekk fix-xhur li għaddew il-Kunsill ħass il-bżonn li jikkooptja nies li qed jaħdmu fil-‘grassroots’, qed jaħdmu ma’ koppji u familji kif ukoll ma’ koppji li qed iħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ.
Matul dawn id-diskussjonijiet, fil-Kunsill ħareġ il-bżonn li nimxu bi pjan ta’ azzjoni fuq tlett binarji biex il-ħidma kollha fil-pastorali tal-familja tkun flimkien ma’ oħrajn li għandhom għal qalbhom dan il-qasam.
Għalhekk l-ewwel binarju huwa li titwaqqaf Federazzjoni ta’ movimenti u għaqdiet oħra u li qed jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-familja. Dan il-ħsieb ħareġ meta is-sena li għaddiet diversi għaqdiet u movimenti impenjati fil-pastorali tal-familja ħadu sehem fil-Family Fair li saret waqt it-trade fair. Kienet esperjenza fejn uriet li flimkien nistgħu nagħtu ‘image’ posittiv tal-familja.
Għalhekk nista’ ngħid li dan l-ewwel binarju għandu jimxi fuq l-ewwel tema tas-Sinodu, il-Komunjoni.
It-tieni binarju huwa il-preparazzjoni għas-sagrament taż-żwieġ. Irridu nivvalutaw u jekk hemm bżonn nirristrutturaw il-prepazzjoni tal-koppji għas-sagrament taż-żwieġ. Dan l-aħħar il-Moviment ta’ Kana ippublika manwal ġdid għall-koppji mexxejja flimkien ma’ numru ta’ ħandawts li jingħataw lill-koppji għarajjes. Dan kien proġett li ħa ħafna żmien biex tlesta.
Irrid ngħid li l-manwal il-ġdid, għalkemm sabiħ u attraenti, ma jagħmilx mirakli. Għandna ħafna koppji mexxejja li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu ppreparati u aġġornati mal-issues ġodda li jinqalgħu kuljum. Lil dawn il-koppji ngħidilhom grazzi kbira tal-impenn tagħkom.
Imma jiddispjaċini ngħid li hemm koppji oħrajn li baqgħu jużaw metodi u għajnuniet antiki. Irridu niftakru li ż-żgħażagħ li jiġu għandna għall-kors ta’ Kana, ħafna minnhom jiġu ‘għax bilfors’. Għalhekk ma jistennewx li min naħa tagħna isibu koppji mexxejja mhux preparati jew li qed jużaw metodi antikwati. Għalhekk nista’ ngħid li dan it-tieni binarju għandu jimxi fuq it-tema tas-Sinodu : il-parteċipazzjoni.
Marbut ma’ dan il-binarju, hemm imbagħad dokument importanti ħafna li ħareġ id-Dikasteru Lajċi, Familja u Ħajja tal-Vatikan : Cathecumenal pathways for married life.
Nemmen li dan id-dokument għandu jixprunana biex flimkien mal-Kappillani, il-Malta Youth Catholic Network u d-delegat tal-Arċisqof għall-Katekeżi naraw x’nistgħu nattwaw minnu.
Fl-introduzzjoni ta’ dan id-dokument Papa Franġisku iħeġġiġna b’dan il-kliem: ‘Be courageous! Let us begin to take th first steps! Let us initiate a process of pastoral renewal! Let us put our minds and hearts at the service of future families. I assure you that the Lord will sustain us, give us wisdom and strength, make our enthusiasm grow, and above all, allow us to experience the ‘delightful and comforting joy of evangelizing’ ( Evangelii Gaudium, 9)
It-tielet binarju huwa li matul din is-sena niddixxernu fuq il-Moviment ta’ Kana u speċjalment fuq l-operat tiegħu.
Lit-tim li se jkun qed jaħdem fuq dan il-binarju nissuġerilu li qabel xejn jaqra’ is-serje ta’ udjenzi Ġenerali li għamel Papa Franġisku propju fuq it-tema tad-dixxerniment għax kif naqraw ‘Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja’.
Għalhekk inxebbaħ il-ħidma ta’ dan il-binarju mat-tielet tema tas-Sinodu : il-Missjoni.
X’se tkun din is-sena għall-Moviment ta’ Kana?
- Il-Moviment ta’ Kana se jkollu direttur ġdid. Wara kważi tmien snin bħala Direttur tal-Moviment ta’ Kana kont qed naħseb li wasal iż-żmien biex kif isir fil-futbol ‘indendel iż-żarbun’ għax ovvjament l-enerġija ma tibqax l-istess. B’umilta’ ngħid li ħdimt minn qalbi biex il-Moviment ta’ Kana jissaħħah. Il-bidu kien iebes għaliex tmien snin ilu kellna niffaċċjaw kriżi kbira – kif se nikkonvinċu lill-gvern ikompli jagħti is-somma ta’ 70,000 ewro kull sena għall-operat. Imma bil-mod il-mod wasalna fi ftiehem mal-Gvern biex jissusidja parti mill-ispejjes tas-servizzi ta’ terrrapija. Jekk Alla jrid lejn l-aħħar ta’ din is-sena se jsir l-iffirmar tat-tielet ftiehem mal-Ministeru tal-Familja.
Dawn it-tmien snin kienu snin fejn tgħallimt ħafna.
- Tgħallimt ħafna mill-ġenerożita kbira tal-koppji mexxejja tal-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ. Ammirajt u se nibqa’ nammira id-dedikazzjoni tagħkom. Min hawn ngħidilkom grazzi. Keep up the good work.
- Tgħallimt mill-Gruppi Familji Nsara speċjalment fl-impenn għall-formazzjoni tal-membri. Nappella lill-Gruppi Familji Nsara biex kif qalilna l-Papa San Ġwanni Pawlu II ikollna l-kuraġġ li naqdfu ‘l barra fil-fond u nistiednu koppji miżżewġin ġodda oħra biex jingħaqdu magħhom.
- Tgħallimt mill-counsellors speċjalment fil-mod ta’ iħaddmu l-ministeru tal-akkoljenza meta jiltaqgħu ma’ persuni mtaqqla bil-problemi.
- Tgħallimt mill-Kunsill ta’ Kana fid-diskussjonijiet u fit-tfassil ta’ policies. Nawgura lin-new commers biex jaħdmu b’ħeġġa u entużjażmu fi ħdan il-Kunsill li huwa l-ogħla organu fit-tmexxija tal-Moviment.
Għalhekk nawgura lid-direttur il-ġdid ħidma fejjieda b’risq il-familja. Dan il-qasam mhux faċli għaliex illum il-familja kif iridha Alla ‘raġel wieħed u mara waħda’ qed tkun iċċalinġjata kontinwament. Nibqa’ nissapportjah sakemm ikun possibli.
- Din is-sena wkoll se tkun ta’ sfida għall-Moviment għaliex se nkunu kostretti li niċċaqilqu mill-Istitut Kattoliku. It-tmexxija tal-Knisja f’Malta qed tippjana li l-Istitut Kattoliku ikun ċentru ta’ kultura u fidi. Irrid ngħid li bħalissa qegħdin fi proċess biex jinsab post adattat fil-Furjana stess fejn l-operat tagħna jibqa’ għaddej bla diffikulta’.
- Id-Dar tal-Mall. Din hi dar li għandha importanza kbira għaliex qegħdha fiċ-ċentru tal-Furjana. Din id-dar hi propjeta tal-Moviment ta’ Kana u hemm il-permessi kollha meħtieġa biex isir żvilupp fuqha. Nagħmel appell lill -Kunsill biex jiddeċiedi x’jsir minn din id-dar għax iż-żmien qiegħed jagħfas.
- Kif semmejt aktar il-fuq, il-koppji mexxejja tal-Kors ta’ Kana huma pedament importanti fil-formazzjoni tal-koppji għarajjes għas-sagrament taż-żwieġ u għalhekk jeħtieġu formazzjoni kontinwa. B’dan il-ħsieb f’moħħna, tfassal programm ta’ sena għall-koppji mexxejja. L-iskop ta’ dan il-programm huwa biex il-koppji isiru jafu iktar ‘l xulxin u jitgħallmu minn xulxin. Il-programm huwa varjat ħafna għaliex se jkun jinkludi laqgħat ta’ formazzjoni, irtiri u anke mumenti fejn nissoċjaliżżaw. Dan il-programm se jieħu ħsieb Fr Aayrton Muscat, issa li ġie maħtur bħala Direttur Spiritwali tal-Moviment ta’ Kana.
Il-ħidma tiegħi minn issa ‘l quddiem
L-Ariċiqof xtaq li jagħti ħajja mill-ġdid lil dik li fl-antik kienet tissejjaħ il-Missjoni l-Kbira u l-missjoni ż-żgħira, fejn numru ta’ saċerdoti kienu jagħmlu ħidma ta’ evannġeliżazzjoni fil-parroċċi. Issa li dawn il-missjonijiet ġew soppressi, l-Arċisqof waqqaf il-Kulleġġ tas-Saċerdoti Missjunarji San Ġorġ Preca. Il-qaddis protettur kif jindika l-isem, San Ġorġ Preca li kellu ħafna għall-qalbu l-evanġeliżazzjoni speċjalment fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Din il-ħidma se tkun tikkonsisti filli flimkien ma’ saċerdoti oħra inżuru l-familji fi dajrhom, kuntatt personali, ħidma u attenzjoni lit-tfal speċjalment fl-iskejjel, kif ukoll attenzjoni lill-persuni li jinsbu fil-periferija tal-Knisja u tas-soċjeta’.
Din il-ħidma se ġġibna f’kuntatti dirett mar-realtajiet differenti tal-familja. Għalhekk dak li tgħallimt f’dawn l-aħħar tmien snin issa nista’ nużahom fil-parroċċi permezz ta’ dan il-kulleġġ.
Konklużjoni
Nagħlaq billi nirringrazzja lilek President tas-sapport li tajtni minkejja diffikultajiet li kien hemm; grazzi lill-Kunsill kollu u nawgura li jxammar il-kmiem għax hemm ħafna x’isir. Nirringrazzja lil Fr Aayrton li minkejja diffikultajiet ta’ traġitt sab il-ħin biex inkunu flimkien. Grazzi lilkom mhux li aċċettajtu l-istedina tagħna għal din iċ-ċelebrazzjoni illejla imma għall-ħidma kbira tagħkom b’risq il-familja.
Nitolbu l-Madonna ta’ Kana tbierek lilna u lill-familji tagħna.
Grazzi ħafna.
Dun Charles Attard