Familja

It-tama tagħna hi Ġesù – L-Arċisqof fil-ftuħ tal-Ġublew 2025

Quddiesa fil-ftuħ tal-Ġublew 2025 fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta bit‑tema ‘Pellegrini tat‑Tama’

29/12/2024    Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina Ġublew tat-Tama 2025Il-Kelma tal-Arċisqof

https://youtube.com/watch?v=l21VI0lg1A0%3Ffeature%3Doembed

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għeżież, “araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew” (1 Ġw 3:1). Din il-kelma tal-Appostlu San Ġwann, fl-ewwel ittra  tiegħu, tkun ta’ kuraġġ għalina, aħna u nibdew il-Ġublew Imqaddes tas-sena 2025. Ġublew, li l-Papa jixtieqna li fih nikbru bħala pellegrini ta’ tama. Il-pellegrin hu bniedem f’mixja; il-pellegrin ta’ tama jaf li hemm wegħda, kelma, li mhux se tonqos, u li mhux se tqarraq bih.

It-tama tagħna mhijiex illużjoni, mhijiex ħrafa, mhijiex ħlieqa tal-bnedmin; it-tama tagħna hi persuna: Ġesù. Aħna pellegrini, li pass pass, daqqa nogħtru, u daqqa le; resqin lejh.

Il-Papa Franġisku lilna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, inħoss li tana konsenja speċjali, messaġġ speċjali. Meta fis-17 ta’ Mejju ltqajna miegħu, u staqsejnieh x’kienet ix-xewqa ta’ qalbu għal dan il-ġublew. Uża dan il-kliem bit-Taljan: ‘Una grande festa di misericordia (festa kbira ta’ ħniena)’.

“Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier” (1 Ġw 3:1). L-ewwel esperjenza tal-ħniena, l-aħwa, mhux li tinfena bil-ħsieb tad-dnub tiegħek u ta’ ħaddieħor; imma li tagħraf kemm iħobbok Alla; li għażlek bħala bintu, bħala ibnu; li bagħat lil Ibnu fid-dinja, biex aħna nsiru wliedu, u nkunu wliedu tassew, u aħwa bejnietna. Biex ikun jista’ jgħallimna l-Mulej Ġesù, nitolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek” (Mt 6:9). L-Irxoxt lill-Maddalena jgħidilha li “sejjer għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17).

Il-Papa xtaq li fid-djoċesijiet kollha tad-dinja llum jibdew il-Ġublew għall-komunità lokali, anke għall-knejjes lokali. Hu inawgurah f’Ruma f’lejlet il-Milied, kif tafu. U llum, qegħdin nibdew bħala komunità ta’ fidi dan il-Ġublew. Mument ta’ grazzja u stedina ta’ ħniena. U Ġesù, meta ried jagħtina l-ħniena u jurina l-ħniena, waqqaf sagrament. L-ewwel sagrament hu l-magħmudija, li jaħfer id-dnubiet kollha; imma wara l-magħmudija hemm is-sagrament tal-qrar.

Min irid jiċċelebra l-Ġublew f’din is-sena, jibda ritmu ta’ qrar regolari. M’hemmx għalfejn kuljum, imma b’mod regolari, skont il-bżonn, u skont l-emerġenza wkoll. Nidħlu fl-ispirtu ta’ dan is-sagrament, li hu sagrament ta’ verità imma wkoll sagrament ta’ ħniena; mhux kamra tat-tortura, il-Papa jħobb ħafna jgħid: isma’ l-qrar mhux tortura! Il-qrar hu festa ta’ ħniena imma ta’ verità.

Tgħiduli: ‘imma f’dan il-Ġublew, hemm xi grazzja speċjali?’ Iva! Il-Papa jispjegahilna. Meta niċċelebraw il-Ġublew, bħalma qed nagħmlu llum, il-Knisja fil-misteru tax-Xirka tal-Qaddisin, tagħti wkoll li neħilsu mit-tpattija kollha ta’ dnubietna. Id-dnubiet tagħna jinħafru bil-qrar; it-tpattija tagħhom tinħafer ukoll bil-grazzja tal-Ġublew, dak li jgħidulu l-Indulġenzja Plenarja; meta l-Mulej, inaddfek sew minn ġewwa; u anke permezz tiegħek, jieħu ħsieb lill-maħbubin tiegħek li telqu qabilna.

L-ewwel sagrament hu l-magħmudija, li jaħfer id-dnubiet kollha; imma wara l-magħmudija hemm is-sagrament tal-qrar.

Din hi l-grazzja kbira ta’ din il-ħniena li qed toffri l-Knisja; li għal darba, darbtejn kuljum, jiena nista’ wkoll, neħles lil ħuti mejtin mit-tpattija kollha ta’ dnubiethom. U tgħiduli, x’għandi nagħmel? Iżżur il-Katidral, tgħid: il-Missierna, l-Kredu, u talba lill-Madonna; jiena nissuġġerixxi s-Salve Regina. Għaliex qed nissuġġerilkom is-Salva Regina? Għax “Sliema għalik Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa, tama tagħna”. U allura, peress li hemm dik il-frażi sabiħa, li lill-Madonna ngħidulha ‘tama tagħna’, f’din is-sena bħala pellegrini tat-tama; ta’ min nitolbuha ħafna t-talba ta’ ‘Sliema għalik Sultana’.

U barra minn hekk, din hi l-iżjed parti diffiċli, irridu nagħmlu sforz biex ninfatmu mill-ħażen li hemm fina, min fil-ftit, u min inqas ftit. Il-Papa qed jgħidilna, l-Indulġenza Plenarja tista’ teħodha wkoll anke mid-dar tiegħek, jekk inti marid, jekk inti l-ħabs, jekk inti f’residenza tal-anzjani, jekk int qed tieħu ħsieb xi ħadd u ma tistax tiċċaqlaq minn fejn inti. Tingħaqad magħna, mal-isqof, pereżempju meta jqaddes. Intom tafu li jiena kull nhar ta’ Ħadd inqaddes, u tkun trasmessa biex tilħaq kemm jista’ jkun nies li ma jistgħux jiġu l-Knisja; u tingħaqdu miegħi, u jkollkom l-indulġenza plenarja wkoll.

Imma l-Papa qed jissuġġerilna wkoll ‘l-Opri tal-Ħniena’. Għax jiena nilqa’ l-ħniena ta’ Alla imma rrid nuri l-ħniena tiegħi ma’ ħuti. U l-opri tal-ħniena huma dawk li jmissu l-ġisem: itma’ lil min hu bil-ġuħ, niftakru fis-soup kitchens tagħna – fil-Kċina ta’ Marta; isqi lil min hu bil-għatx, libbes lill-għarwien, ilqa’ lill-barranin, żur lill-morda, żur lill-priġunieri, idfen lill-mejtin. Dawn huma l-opri tal-ħniena materjali, li jmissu l-ġisem. Imma hemm ukoll l-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ spiritwali: agħti parir lil ħosbiena, bniedem inkwetat farrġu u mhux iżżidlu l-inkwiet; għallem lil min ma jafx – dak li jkun iftaħlu għajnejh; widdeb lill-midinbin, kultant nippreferu s-silenzju ħalli ngħixu ħajja komda (ibda minni nnifsi); farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet. Forsi din tal-aħħar l-iktar waħda diffiċli. Tista’ tieħu l-indulġenza plenarja jekk hemm xi ħadd irrabjat għalih? Taħfirlu. Altru, Missierna, Sliema u Qaddisa! Hawn il-prezz qed jogħla! Stabar b’min idejqek – din ukoll, il-paċenzja. Kieku nifhmuha din, li anke fit-traffiku nieħdu naqra paċenzja b’xulxin, tgħid illum soqt u ħadt indulġenza plenarja. Itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Imma mbagħad il-Papa jinsisti wkoll għaż-żjajjar ta’ min hu fil-bżonn jew f’diffikultà: morda, priġunieri, anzjani weħidhom, persuni b’diżabbiltà.

Fl-ewwel tas-sena, pereżempju, nagħmlu l-Maratona tad-Dar tal-Providenza. Ejjew żuruha lil din id-Dar, iltaqgħu mar-residenti; dan il-kuntatt iġib ukoll fuqna ħniena kbira. Imma fuq kollox ukoll, il-Papa qed jinsisti li nidħlu fi spirtu ta’ sabar u anke ta’ kontroll tagħna nfusna.

It-tama tagħna mhijiex illużjoni, mhijiex ħrafa, mhijiex ħlieqa tal-bnedmin; it-tama tagħna hi persuna: Ġesù.

F’ħin minnhom jgħid, isma’ aħna nhar ta’ Ġimgħa mhux biss tajjeb li ssum mil-laħam; imma mhux aħjar il-Papa jgħid issum mill-internet? Minn konsum żejjed? U jgħid ukoll nagħtu somma proporzjonata ta’ flus lill-foqra. Għandna diversi inizjattivi; jiena nbierek lill-poplu tagħna kemm hu ġeneruż; il-maratoni li jsiru huma xhieda ta’ kemm il-poplu tagħna hu ġeneruż. Ħu pereżempju, l-istrina, hi festa li tagħmlilna unur. U l-Papa qed jgħidilna dik ukoll opra ta’ ħniena, li tiġbed fuqek il-ħniena ta’ Alla, imma wkoll xogħlijiet ta’ natura reliġjuża jew soċjali.

Issa ħa nikkwota lill-Papa, speċjalment inizjattivi favur id-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja, fil-fażijiet kollha tagħha, u tal-kwalità tal-ħajja nnifisha; tat-tfal abbandunati, għandna l-Fondazzjoni Sebħ; ta’ żgħażagħ f’diffikultà, għandna l-Caritas; ta’ anzjani fil-bżonn, jew weħidhom; ta’ migranti minn diversi pajjiżi.

Ejjew noħolmu kif nistgħu nuru mħabba konkreta ma’ kulħadd, biex din il-festa kbira ta’ ħniena, ma tkunx biss ta’ ġid għalija, imma ta’ faraġ għall-proxxmu. U tassew din is-sena għall-poplu tagħna hi festa kbira ta’ ħniena. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Intom tajtu sinjal ta’ mħabba lil xulxin – L-Arċisqof

Quddiesa għall-koppji li żżewġu fl-2024

04/01/2025    Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Iż 60:1). Din il-festa tal-Epifanija hi wieħed mill-mumenti importanti fil-festi tal-Milied, li jikkonkludu bil-festa tal-magħmudija tal-Mulej. Imma hi festa ta’ dawl. Il-Mulej jiddi bħala dawl mhux biss fil-ħolqien fis-sinjal tal-kewkba; imma jiġi preżentat lilna lkoll il-ġnus, bħala dawl ta’ ħajjitna. Il-profeta Iżaija, meta jitkellem fuq id-dawl, qed jitkellem fuq l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu.   

“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Iż 60:1) L-awgurju tiegħi għalikom hu li f’xulxin, bl-inżul u t-tlajja tal-ħajja, isibu l-esperjenza ta’ dan id-dawl ta’ ħniena, imħabba u faraġ. U jekk inti qed tipprova tfittex il-kewkba li tindikalek fejn hemm il-Mulej bil-ħniena tiegħu, nistiednek li ssibha fil-qalb tal-maħbub jew il-maħbuba ta’ qalbek u ta’ ħajtek. Dik hi l-kewkba li l-Mulej għażel għalik.

Nifirħilkom u nawguralkom tal-għażla li tbierku ż-żwieġ tagħkom bis-sagrament is-sena li għaddiet. Bis-sagrament li rċivejtu, il-Mulej jagħmel minnkom ilkoll dawl għall-ġnus. F’dinja għatxana għat-tama, intom l-għeżież li għażiltu li timpenjaw ruħkom fit-triq tal-imħabba miżżewġa, intom sinjal ta’ tama. Is-sinjal ta’ tama li l-kelma ta’ min iżommha; u minkejja d-dgħufija tagħna, għandna rieda sħiħa li nżommuha. Intom tajtu kelma lil xulxin, li tkunu fidili għal xulxin, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa tul ħajjitkom kollha. Intom tajtu sinjal ta’ mħabba lil xulxin.

U meta tajtu ċ-ċurkett lil xulxin għedtu dawn il-kliem għeżież: “Ħu dan iċ-ċurkett, sinjal ta’ mħabbti u l-fedeltà tiegħi lejk. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Il-kunsens li għamiltu hi l-kelma li tajtu.

Intom tafu li l-kunsens kien it-tieġ, issa qegħdin tgħixu ż-żwieġ. It-tieġ jgħaddi, forsi l-kontijiet ma jgħaddux malajr, imma ż-żwieġ trid tgħixu kuljum. Hu wkoll għandu l-kont, il-kont miegħek innifsek; il-kont li jħabbat fuq l-egoiżmu ta’ kull wieħed u kull waħda minna, u jistedinna nagħtu ħajjitna; il-kont fuq in-nuqqas ta’ paċenzja tagħna, u jistedinna li nistabru b’xulxin.

Inħobb nirrepeti l-inċident ħelu lejn it-tmiem il-ħajja ta’ San Ġorġ Preca, meta t-tabib tiegħu Dr Spiteri ddeċieda li jiżżewweġ, u mar għand Dun Ġorġ għal parir. Sinjur, se niżżewweġ, tagħtini parir? Dun Ġorġ, lil dan it-tabib żagħżugħ, qallu: Dottore, mur id-dar u fuq il-blata ta’ kull bieb ta’ kull kamra ikteb tliet kelmiet: ‘Paċenzja, paċenzja, paċenzja’. U l-paċenzja fil-ħajja miżżewġa ssir id-dizzjunarju tal-imħabba u tal-ħniena. Dr Spiteri laħaq qalli, ‘U kelli bżonnha din il-paċenzja, Dun!’ Il-Mulej bierek lilu u lill-mara b’ħajja twila flimkien, imma żgur kienet il-ħajja bħal tagħkom ilkoll, imżewqa bil-bnazzi u bil-maltemp.

Jiena nawguralkom ħafna, li f’xulxin issibu l-kewkba li tferraħkom; u li fil-mumenti tad-dlam u tat-tbatija, ssibu min jgħinkom verament. Il-liturġija tat-tieġ, titlob fuqkom li ssibu ħbieb li jirrispettawkom fl-impenn għal xulxin, ma jkunux ta’ tfixkil. Nawguralkom li ssibu ħbieb hekk. Ftakru li intom inftamtu mill-familja li l-Mulej berikkom fiha, biex tagħmlu l-familja tagħkom.

Forsi smajtuni nitlob, biex ma ngħidx nittallab u nitkarrab, biex f’Malta jkollna l-barka tal-ulied. Din it-talba nagħmilha lilkom ukoll; imma nirrispetta d-deċiżjonijiet tagħkom. Itolbu għall-barka tal-ulied, biex meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu jżejjinkom bl-ulied, jimliekom ukoll bil-ferħ. Imma jiena nawguralkom ukoll ħajja twila flimkien. Tinsewx li l-Mulej ma jqarraqx bina, ma jingannaniex, se jgħinkom tgħixu l-fedeltà għal xulxin. “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfeġġ fuqek” (Iż 60:2).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Fik sibt il-għaxqa tiegħi

Quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu fl-2025

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej li qed niċċelebraw illum tgħinna nirriflettu fuq mument profond fil-ħajja ta’ Ġesù – mument li juri l-identità u l-missjoni tiegħu, mibnija fuq l-imħabba u s-servizz. Hi opportunità tajba speċjalment għalikom li qegħdin tħejju biex tidħlu għas-sagrament taż-żwieġ din is-sena. Din il-festa toffri dawl speċjali fuq dan il-vjaġġ li se tibdew, vjaġġ ukoll mibni fuq l-imħabba, l-għotja tagħkom lil xulxin, u l-grazzja divina.

Il-magħmudija: bidu ġdid

Fl-Evanġelju tal-lum, naraw lil Ġesù ġej lejn ix-Xmara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni. Għalkemm kien bla dnub, Ġesù għażel li jidentifika ruħu mal-ħtieġa tat-tiġdid tal-umanità. Kien hu li qaddes l-ilma, mhux l-ilma li qaddes lil Ġesù. Il-magħmudija tiegħu mmarkat il-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, missjoni ta’ mħabba u salvazzjoni.

Bl-istess mod, is-sagrament taż-żwieġ jimmarka bidu ġdid għalikom bħala koppja. Mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-imħabba tagħkom imma dħul f’missjoni qaddisa – li tirriflettu l-imħabba ta’ Alla lid-dinja permezz tar-relazzjoni tagħkom. Kif il-magħmudija ta’ Ġesù wriet b’mod ċar il-missjoni tiegħu, hekk ukoll iż-żwieġ li qed tħejju għalih se jkun juri din il-missjoni sabiħa li għaliha Alla sejħilkom: li tagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u tkunu sinjal ta’ tama fis-soċjetà Maltija llum.

Il-leħen mis-smewwiet: “Inti ibni l-għażiż”

Fil-magħmudija ta’ Ġesù, kif smajna fl-Evanġelju, is-smewwiet infetħu u l-leħen mis-sema, il-leħen tal-Missier, iddikjara: “Int ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22). Din l-affermazzjoni ta’ mħabba u identità tfakkarna fl-oriġini ta’ kull imħabba li ġejja minn Alla.

Għax nissieħbu ma’ Ġesù, il-Missier jgħid din il-kelma fuq kull wieħed u waħda minna fil-magħmudija tagħna, u jkompli jgħidha tul ħajjitna kollha. Jgħidilna, lil kull wieħed u waħda minna: int ibni l-għażiż, int binti l-għażiża, fik sibt il-għaxqa tiegħi.

Fiż-żwieġ, intom imsejħa biex tkunu dan il-leħen għal xulxin. Fi żminijiet tajba u f’dawk diffiċli, il-kliem u l-għemejjel tagħkom għandhom dejjem jaffermaw: int l-għażiż tiegħi. inti l-għażiża tiegħi. Fik insib l-għaxqa tiegħi. Hu kliem li ma jkunx biss kliem imma li jkun tassew ħiereġ mill-qalb. Dan mhuwiex biss sentiment li tgħaddi, imma impenn biex tħarsu lejn xulxin b’għajnejn tal-fidi, u tirrikonoxxu x-xbieha ta’ Alla f’xulxin.

Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

L-Evanġelju jgħidilna wkoll li l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Ġesù fis-sura ta’ ħamiema. L-Ispirtu saħħaħ lil Ġesù għall-missjoni tiegħu, u bl-istess mod, hu dan l-Ispirtu li jseddaqkom fiż-żwieġ tagħkom.

Iż-żwieġ mhuwiex dejjem faċli. Se jkun hemm sfidi, kultant nuqqas ta’ ftehim, u sagrifiċċji li jkun hemm bżonn li tagħmlu. Imma l-Ispirtu s-Santu hu dak li jakkumpanjakom b’mod kostanti, li jagħtikom l-għerf, is-sabar, u l-kuraġġ biex tgħixu b’mod għaqli dawn il-mumenti flimkien. Inħeġġiġkom biex tistiednu lill-Ispirtu s-Santu fir-relazzjoni tagħkom kuljum permezz tat-talb, permezz tal-imħabba u l-maħfra, u permezz tal-għemejjel tajba. Inħeġġiġkom ukoll biex tgħixu din l-esperjenza tal-Ispirtu ta’ Alla speċjalment bil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd flimkien, li tant iġġib barka lilkom fil-ħajja taż-żwieġ tagħkom.

Iż-żwieġ: sagrament ta’ servizz

Il-magħmudija ta’ Ġesù ma kinitx biss dwaru nnifsu, b’mod li toħroġ ċara l-identità tiegħu; kienet ukoll dwar il-missjoni tiegħu li jservi lil ħaddieħor. Bl-istess mod, iż-żwieġ tagħkom mhuwiex biss għall-hena tagħkom imma għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja, għall-ġid tal-oħrajn. Permezz tal-imħabba tagħkom, issiru xhieda tal-patt ta’ Alla – sinjal ħaj tal-fedeltà u l-ħniena tiegħu.

Aħsbu fid-dar tagħkom futura bħala knisja żgħira, post fejn Kristu huwa preżenti fl-imħabba, fl-ospitalità, u fil-kura tagħkom għall-oħrajn. Iż-żwieġ tagħkom huwa vokazzjoni, sejħa biex tkunu strumenti tal-imħabba ta’ Alla l-ewwel għal xulxin imma wkoll għall-familja tagħkom, ħbieb, u saħansitra għan-nies li ma tafux.

Ispirazzjoni

Hekk kif niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej, niftakru li l-missjoni tiegħu bdiet b’att ta’ umiltà, imħabba, u ubbidjenza għar-rieda tal-Missier. Jalla dan ikun ta’ ispirazzjoni għalikom hekk kif tħejju ruħkom għas-sagrament taż-żwieġ.

Ħa jgħinkom il-Mulej tegħlbu kull ostaklu għall-imħabba lejn xulxin, ma tħallu lil ħadd jidħol fin-nofs u jtellef l-għotja tagħkom lil xulxin, u tfittxu dejjem l-għajnuna mingħand min jista’ verament jagħmlilkom il-ġid.

Ħa jkun il-vjaġġ tagħkom mimli bil-grazzja ta’ Alla, il-gwida tal-Ispirtu s-Santu, u l-assigurazzjoni li intom maħbubin mill-Missier. Meta tieqfu quddiem l-artal fil-jum tat-tieġ tagħkom, ħa tisimgħu f’qalbkom l-istess kliem li qal il-Missier lil Ġesù: “Inti ibni l-għażiż. Fik sibt il-għaxqa tiegħi.”

Nitlob lil Alla jberikkom f’din it-triq qaddisa, u jalla ż-żwieġ tagħkom ikun dawl fid-dinja li jirrifletti s-sbuħija tal-imħabba eterna ta’ Alla, miftuħ ukoll għal kull don ta’ ħajja ġdida li Alla jagħtikom fi ħdan iż-żwieġ tagħkom.

Talba

Nagħmel din it-talba speċjalment għalikom li se tiżżewġu dis-sena: Missierna li inti fis-smewwiet, bierek lil dawn il-koppji hekk kif iħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ. Imla l-qlub tagħhom bl-imħabba tiegħek, saħħaħ l-impenn tagħhom, u mexxihom bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu. Ħa tkun l-għaqda tagħhom rifless tal-grazzja tiegħek u xhieda tal-imħabba fidila tiegħek, u ħa jgħixu dejjem il-kliem li inti għedt u li llum infakkru fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej: fik sibt il-għaxqa tiegħi.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

“Il-fertilità qed tonqos minħabba nuqqas ta’ għarfien” – Calleja Agius

L-Assemblea Ġenerali tal-IEEF inżammet f’Malta

Artilku Luke Vella – News Book Malta. Ritratti Erika Lanzafame

Prof. Jean Calleja Agius, waħda mill-kelliema fil-konferenza, qalet ma’ Newsbook Malta li qed qed “ngħixu f’pajjiż li l-fertilità qiegħda tonqos u dan hu rifless tad-dinja żviluppata.”

Hi kompliet li għaldaqstant wieħed għandu jżomm f’moħħu l-iktar affarijiet bażiċi li ħafna drabi jintesew. Fosthom semmiet kif hu tajjeb li wieħed jieħu ħsieb saħħtu u għaldaqstant il-piż – “la żżejjed u lanqas in-nieqes”, li jiġi evitat it-tipjip u x-xorb alkoħoliku kif ukoll li wieħed ma jikkunsmax drogi.

Dan intqal fil-konferenza dwar il-fertilità u n-nuqqas tagħha, organizzat mill-Istitut Ewropew għall-Edukazzjoni tal-Familja (IEEF). Matulha saru żewġ indirizzi: preżentazzjoni minn Prof. Jean Calleja Agius dwar l-irwol tal-Ippjanar Naturali tal-Familja (NFP – Natural Family Planning) fid-dawl tal-fertilità, u indirizz ieħor minn Dr Micaela Menarguez dwar il-bilanċ fis-saħħa ormonika tan-nisa u l-awtonomija personali.

Il-kelliema u l-Professur tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija qalet li l-NFP għandu postu fis-soċjetà kontemporanja, hekk kif dan huwa l-ewwel pass.

“Kull min jiżżewweġ bil-Knisja jaf li fil-korsijiet ta’ Kana jingħadda l-NFP lill-koppji li jattendu. Dan għaliex li int tagħraf il-fertilità tiegħek bħala mara u bħala koppja huwa importanti għaliex tagħraf is-sistema riproduttiva tiegħek u anke biex jekk ikun hemm xi problema, tindirizzaha u tirranġaha mill-iktar fis,” sostniet.

Hija spjegat li f’każ li dan kollu ma jwassalx għal riżultati mixtieqi, ikun hemm il-lok għal interventi oħrajn biex jiġu aġġustati sistemi li jgħinu lil koppja biex ikollha t-tfal.

Hija kompliet li “f’Malta, aħna xxurtjati li għandna dawn is-servizzi disponibbli, però ma għandniex ninsew li għandna nibdew mill-ewwel pass: li nifhmu ċ-ċiklu riproduttiv tagħna.”

X’jagħmel l-Istitut Ewropew għall-Edukazzjoni tal-Familja?

L-għan tal-IEEF, li ilu mwaqqaf 62 sena hekk kif jaf il-bidu tiegħu fi Grenoble ġo Franza fl-1962, huwa li tagħti s-sostenn lill-familji billi tipprovdi l-edukazzjoni dwar l-aspett ta’ familja lill-koppji, kif ukoll il-preparazzjoni għal żwieġ san u miftuħ għall-ħajja. Huma joħolqu wkoll kuxjenza dwar il-fertilità kif ukoll l-NFP.

Il-koordinatriċi tat-tim responsabbli mill-Kuxjenza dwar il-Fertilità (F/A) u n-NFP Pauline Tufigno qalet ma’ Newsbook Malta li din l-assemblea li ssir f’pajjiżi differenti tal-Ewropa, din id-darba qed issir f’Malta hekk kif il-Moviment ta’ Kana huwa wieħed mill-membri fi ħdan l-IEEF. Għal din il-konferenza li qed issir f’Mount St Joseph ġewwa l-Mosta, qed jattendu madwar 38 delegat mill-Ewropa kollha li qed jirrappreżentaw 18-il organizzazzjoni minn 15-il pajjiż.

Il-Moviment ta’ Kana joffri servizzi għal problemi ta’ infertilità fost oħrajn

Pauline Tufigno li hija wkoll fit-tim tal-Moviment ta’ Kana spjegat kif il-Moviment ta’ Kana ma jassistix biss il-koppji qabel iż-żwieġ, iżda wkoll fil-perkors tal-ħajja miżżewġa.

Is-servizzi ta’ terapija u appoġġ jikkonsistu minn:

  • servizz ta’ counselling u psikoterapija għall-koppji u individwi
  • servizz psikoloġiku għat-tfal u għal adolexxenti
  • servizz ta’ terapija tal-familja
  • servizz ta’ Infertility Counselling u appoġġ
  • servizz ta’ rikonċiljazzjoni għall-koppji u għall-familji
  • servizz ta’ coaching personalizzat għal ġenituri jew kustodji tat-tfal jew adoloxxenti

Spjegat li fost is-servizzi terapewtiċi għall-koppji dwar il-familja, ir-relazzjonijiet kif ukoll minħabba sitwazzjonijiet personali, hemm ukoll servizz ta’ counselling minħabba l-infertilità.

Il-Moviment ta’ Kana, li twaqqaf 6 snin qabel l-IEEF, huwa membru tal-IEEF flimkien ma’ bosta organizzazzjonijiet oħrajn fl-Ewropa. Il-Moviment li wkoll iżomm il-familja fil-qalba tal-missjoni tiegħu, jassisti l-koppji mhux biss qabel iż-żwieġ fl-hekk imsejħin “Il-Kors ta’ Kana” iżda wkoll fil-ħajja miżżewġa. Dan għaliex il-Moviment għandu servizzi li jgħinu lill-membri tal-koppja fid-diffikultajiet personali jew fil-problemi tar-relazzjoni, jgħin biex jissaħħu ż-żwieġ u l-familja, kif ukoll jirsisti biex jippromwovi l-ħajja miżżewġa bħala waħda li ma tinħallx, leali u miftuħa għall-ħajja.

Il-Moviment ta’ Kana wkoll jipprovdi dawn il-korsijiet tal-ippjanar naturali tal-familja sabiex tingħata opportunità lill-koppja biex isiru jafu aktar dwar kif jaħdem il-ġisem u l-fertilità tagħhom, biex jitgħallmu iktar dwar is-sabiħ tas-sistema riproduttiva (kemm dwar kif tista’ tinqabad tqila jew kif tista’ tevita tqala b’mod responsabbli u naturali), kif ukoll biex jiddjalogaw u jiddeċiedu flimkien fuq realtajiet tant importanti u sbieħ fil-ħajja taż-żwieġ.

Il-Moviment jipprovdi wkoll kors ta’ taħriġ fuq kif trabbi t-tfal, fejn jiġu ppreżentati u diskussi prattiċi li jgħinu lill-koppja taffaċċja b’mod pożittiv l-isfidi li ġġib it-trobbija. Dawn il-korsijiet joffru sapport billi jgħinu lill-ġenituri jagħrfu l-bżonnijiet tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom fiċ-ċirkustanzi tat-trobbija.

Ritratt: Erika Lanzafame

Ritratt: Erika Lanzafame

1700 persuna użat is-servizz ta’ terapija tal-Moviment ta’ Kana

Tufigno qalet li matul is-sena li għaddiet kien hemm 1697 persuna li għamlu użu mis-servizz ta’ terapija u appoġġ li għandu l-Moviment ta’ Kana. Dan filwaqt li 28 persuna oħra għamlu użu mis-servizz ta’ psikjatra, u 15-il persuna oħra użaw is-servizz ta’ avukat.

Matul is-sena li għaddiet, il-Moviment ta’ Kana ħejja 797 koppja għaż-żwieġ permezz tal-kors mandatorju li jipprepara lill-koppja għall-ħajja miżżewġa, liema kors hu ssuġġerit li jsir sentejn qabel iż-żwieġ. Mill-kważi 800 koppja li attendew għall-“kors ta’ kana” kienu 9 koppji biss li attendew għall-korsijiet tal-ippjanar naturali tal-familja (NFP).

Min-naħa l-oħra kien hemm 67 persuna li attendew għall-korsijiet ta’ positive parenting.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali illi kellu mal-Fondazzjoni ta’ Kana, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joffru servizzi soċjali lill-individwi, koppji u anke familji li jkollhom bżonn sapport.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali illi kellu mal-Fondazzjoni ta’ Kana, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joffru servizzi soċjali lill-individwi, koppji u anke familji li jkollhom bżonn sapport. L-għan ta’ din il-Fondazzjoni huwa li toffri sessjonijiet ta’ terapija kemm lil persuni individwali u anke familji.

Permezz ta’ dan il-ftehim soċjali ser ikunu qed jingħataw mal-2,380 siegħa fis-sena ta’ servizzi ta’ counselling, coaching u anke taħriġ dwar trobbija pożittiva. Dan is-sapport jingħata minn tim multi-dixxiplinarju ta’ psikoterapisti, counsellers, family therapists, psikoloġisti u anke parenting coaches.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musù u anke t-tmexxija tal-Fondazzjoni ta’ Kana, waqt li kienu qed jippresedu l-iffirmar tal-ftehim.

“Kommessi li nkompli nagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-familji. Permezz ta’ dan il-ftehim qed naraw li jkompli jiġi offrut servizz ta’ terapija kemm lill-individwi kif ukoll lill-familji, speċjalment meta jkun hemm tfal u anke adoloxxenti,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Joe Cassar saħaq illi l-għan ewlieni huwa li jgħinu persuni li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli u anke ta’ trawma, b’din il-ħidma ssir bla ebda distinzjoni għaliex jemmnu li kull forma ta’ familja jixirqilha attenzjoni u għajnuna.

“Jista’ jkun li aħna wkoll ninsabu f’din l-istess sitwazzjoni. Inħossuna diżillużi, diżappuntanti u forsi wkoll frustrati. Din ma tkunx l-ewwel darba għax fil-ħajja tal-Knisja dejjem kien hemm dawn is-sitwazzjonijiet.”

Diskors ta’ Mgr. Carmel Attard fil- ftuħ ta’ Sena Pastorali 2023.

Fit-triq ta’ Għemmaws

(Mk 16,12-13)

“Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Bdejna din iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla – il-Ftuħ tas-sena Pastorali 2023/2024 bis-silta mill-Evanġelju ta’ San  Luqa : ir-rakkkont ta’ Emmaws.

Dan huwa rakkort straordinarju u stupend. Żewġ dixxipli, li wieħed minnhom jismu Kleofa u l-ieħor ma nafux x’jismu. Għalhekk dak li m’għandux isem nista’ nkun jien u int.

Żewġ dixxipli sejrin lejn djarhom fir-raħal tagħhom – Emmaws.

Żewġ dixxipli diżappuntati u diżillużi.

Imma żewġ dixxipli jiddiskutu bejniethom ‘fuq kull ma kien ġara’. Dan il-kumment ta’ Luqa huwa importanti ħafna, għaliex minkejja d-diżappunt tagħhom, dak li kien ġara kien jinteressahom ħafna. Żgur li interess tagħhom kien ‘ Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel’.

Imma mument importanti f’din il-mixja kien meta Ġesu nnifsu resaq lejhom u baqa miexi magħhom. Imma huma kellhom qalbhom magħluqa u ma ntebħux minn kien.

Jista’ jkun li aħna wkoll ninsabu f’din l-istess sitwazzjoni. Inħossuna diżillużi, diżappuntanti u forsi wkoll frustrati. Din ma tkunx l-ewwel darba għax fil-ħajja tal-Knisja dejjem kien hemm dawn is-sitwazzjonijiet.

Bħalissa ninsabu f’nofs esperjenza fil-Knisja Universali bl-esperjenza tas-Sinodu – esperjenza ta’ mixja flimkien – fejn kif qalilna l-Papa ħadd m’għandu jibqa’ lura. Għalhekk it-tema tas-Sinodu hi mibnija fuq tliet pilasti : Komunjoni, parteċipazzjoni u Missjoni.

Jiena nemmen li dawn it-tlett temi, barra li huma l-mixja tal-Knisja Universali, għandhom ikunu id-direzzjoni tal-Moviment ta’ Kana mhux biss għas-sena li ġejja imma wkoll għas-snin li ġejjin speċjalment issa li se jkun hemm dirazzjoni ġdida.

Kien għal dan il-għan li  dan l-aħħar il-Kunsill tal-Moviment ta’ Kana irrifletta ħafna fuqu nnifsu permezz ta’ diskussjonijiet interni. Għalhekk fix-xhur li għaddew il-Kunsill ħass il-bżonn li jikkooptja nies li qed jaħdmu fil-‘grassroots’, qed jaħdmu ma’ koppji u familji kif ukoll ma’ koppji li qed iħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ.

Matul dawn id-diskussjonijiet, fil-Kunsill ħareġ il-bżonn li nimxu bi pjan ta’ azzjoni  fuq tlett binarji biex il-ħidma kollha fil-pastorali tal-familja tkun flimkien ma’ oħrajn li għandhom għal qalbhom dan il-qasam.

Għalhekk l-ewwel binarju huwa li titwaqqaf Federazzjoni ta’ movimenti u għaqdiet oħra u  li qed jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-familja. Dan il-ħsieb ħareġ meta is-sena li għaddiet diversi għaqdiet u movimenti impenjati fil-pastorali tal-familja ħadu sehem fil-Family Fair li saret waqt it-trade fair. Kienet esperjenza fejn uriet li flimkien nistgħu nagħtu ‘image’ posittiv tal-familja.

Għalhekk nista’ ngħid li dan l-ewwel binarju għandu jimxi fuq l-ewwel tema tas-Sinodu, il-Komunjoni.

It-tieni binarju huwa il-preparazzjoni għas-sagrament taż-żwieġ. Irridu nivvalutaw u jekk hemm bżonn nirristrutturaw il-prepazzjoni tal-koppji għas-sagrament taż-żwieġ. Dan l-aħħar il-Moviment ta’  Kana ippublika manwal ġdid għall-koppji mexxejja flimkien ma’ numru ta’ ħandawts li jingħataw lill-koppji għarajjes. Dan kien proġett li ħa ħafna żmien biex tlesta.

Irrid ngħid li l-manwal il-ġdid, għalkemm sabiħ u attraenti, ma jagħmilx mirakli. Għandna ħafna koppji mexxejja li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu ppreparati u aġġornati mal-issues ġodda li jinqalgħu kuljum. Lil dawn il-koppji ngħidilhom grazzi kbira tal-impenn tagħkom.

Imma jiddispjaċini ngħid li hemm koppji oħrajn li baqgħu jużaw metodi u għajnuniet antiki. Irridu niftakru li ż-żgħażagħ li jiġu għandna għall-kors ta’ Kana, ħafna minnhom jiġu ‘għax bilfors’. Għalhekk ma jistennewx li min naħa tagħna isibu koppji mexxejja mhux preparati jew li qed jużaw metodi antikwati. Għalhekk nista’ ngħid li dan it-tieni binarju għandu jimxi fuq it-tema tas-Sinodu : il-parteċipazzjoni.

Marbut ma’ dan il-binarju, hemm imbagħad dokument importanti ħafna li ħareġ id-Dikasteru Lajċi, Familja u Ħajja tal-Vatikan : Cathecumenal pathways for married life.

Nemmen li dan id-dokument għandu jixprunana biex flimkien mal-Kappillani, il-Malta Youth Catholic Network u d-delegat tal-Arċisqof għall-Katekeżi naraw x’nistgħu nattwaw minnu.

Fl-introduzzjoni ta’ dan id-dokument Papa Franġisku iħeġġiġna b’dan il-kliem: ‘Be courageous! Let us begin to take th first steps! Let us initiate a process of pastoral renewal! Let us put our minds and hearts at the service of future families. I assure you that the Lord will sustain us, give us wisdom and strength, make our enthusiasm grow, and above all, allow us to experience the ‘delightful and comforting joy of evangelizing’ ( Evangelii Gaudium, 9)

It-tielet binarju huwa li matul din is-sena niddixxernu fuq il-Moviment ta’ Kana u speċjalment fuq l-operat tiegħu.

Lit-tim li se jkun qed jaħdem fuq dan il-binarju nissuġerilu li qabel xejn jaqra’ is-serje  ta’ udjenzi Ġenerali li għamel Papa Franġisku propju fuq it-tema tad-dixxerniment għax kif naqraw ‘Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja’.

Għalhekk inxebbaħ il-ħidma ta’ dan il-binarju mat-tielet tema tas-Sinodu : il-Missjoni.

X’se tkun din is-sena għall-Moviment ta’ Kana?

  1. Il-Moviment ta’ Kana se jkollu direttur ġdid. Wara kważi tmien snin bħala Direttur tal-Moviment ta’ Kana kont qed naħseb li  wasal iż-żmien biex kif isir fil-futbol ‘indendel iż-żarbun’ għax ovvjament l-enerġija ma tibqax l-istess. B’umilta’ ngħid li ħdimt minn qalbi biex il-Moviment ta’ Kana jissaħħah.  Il-bidu kien iebes għaliex tmien snin ilu kellna niffaċċjaw kriżi  kbira – kif se nikkonvinċu lill-gvern ikompli jagħti is-somma ta’ 70,000 ewro kull sena għall-operat. Imma bil-mod il-mod wasalna fi ftiehem mal-Gvern biex jissusidja parti mill-ispejjes tas-servizzi ta’ terrrapija. Jekk Alla jrid lejn l-aħħar ta’ din is-sena se jsir l-iffirmar tat-tielet ftiehem mal-Ministeru tal-Familja.

Dawn it-tmien snin kienu snin fejn tgħallimt ħafna.

  • Tgħallimt ħafna mill-ġenerożita kbira tal-koppji mexxejja tal-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ. Ammirajt u  se nibqa’ nammira id-dedikazzjoni tagħkom. Min hawn ngħidilkom grazzi. Keep up the good work.
  • Tgħallimt mill-Gruppi Familji Nsara speċjalment fl-impenn għall-formazzjoni tal-membri. Nappella lill-Gruppi Familji Nsara biex kif  qalilna l-Papa San Ġwanni Pawlu II ikollna l-kuraġġ li naqdfu ‘l barra fil-fond u nistiednu koppji miżżewġin ġodda oħra biex jingħaqdu magħhom.
  • Tgħallimt mill-counsellors speċjalment fil-mod ta’ iħaddmu l-ministeru tal-akkoljenza meta jiltaqgħu ma’ persuni mtaqqla bil-problemi.
  • Tgħallimt mill-Kunsill ta’ Kana fid-diskussjonijiet u fit-tfassil ta’ policies. Nawgura lin-new commers biex jaħdmu b’ħeġġa u entużjażmu fi ħdan il-Kunsill li huwa l-ogħla organu fit-tmexxija tal-Moviment.

Għalhekk nawgura lid-direttur il-ġdid ħidma fejjieda b’risq il-familja. Dan il-qasam mhux faċli għaliex illum il-familja kif iridha Alla ‘raġel wieħed u mara waħda’ qed tkun iċċalinġjata kontinwament. Nibqa’ nissapportjah sakemm ikun possibli.

  • Din is-sena wkoll se tkun ta’ sfida għall-Moviment għaliex se nkunu kostretti li niċċaqilqu mill-Istitut Kattoliku. It-tmexxija tal-Knisja f’Malta qed tippjana li l-Istitut Kattoliku ikun ċentru ta’ kultura u fidi. Irrid ngħid li bħalissa qegħdin fi proċess biex jinsab post adattat fil-Furjana stess fejn l-operat tagħna jibqa’ għaddej bla diffikulta’.
  • Id-Dar tal-Mall. Din hi dar li għandha importanza kbira għaliex qegħdha fiċ-ċentru tal-Furjana. Din id-dar hi propjeta tal-Moviment ta’  Kana u hemm il-permessi kollha  meħtieġa biex isir żvilupp fuqha. Nagħmel appell lill -Kunsill biex jiddeċiedi x’jsir minn din id-dar għax iż-żmien qiegħed jagħfas.
  • Kif semmejt aktar il-fuq, il-koppji mexxejja tal-Kors ta’ Kana huma pedament importanti fil-formazzjoni tal-koppji għarajjes għas-sagrament taż-żwieġ u għalhekk jeħtieġu formazzjoni kontinwa. B’dan il-ħsieb f’moħħna, tfassal programm ta’ sena għall-koppji mexxejja. L-iskop ta’ dan il-programm huwa biex il-koppji isiru jafu iktar ‘l xulxin u jitgħallmu minn xulxin. Il-programm huwa varjat ħafna għaliex se jkun jinkludi laqgħat ta’ formazzjoni, irtiri u anke mumenti fejn nissoċjaliżżaw. Dan il-programm se jieħu ħsieb Fr Aayrton Muscat, issa li ġie maħtur bħala Direttur Spiritwali tal-Moviment ta’ Kana.

Il-ħidma tiegħi minn issa ‘l quddiem

L-Ariċiqof xtaq li jagħti ħajja mill-ġdid lil dik li fl-antik kienet tissejjaħ il-Missjoni l-Kbira u l-missjoni ż-żgħira, fejn numru ta’ saċerdoti kienu jagħmlu ħidma ta’ evannġeliżazzjoni fil-parroċċi. Issa li dawn il-missjonijiet ġew soppressi, l-Arċisqof waqqaf il-Kulleġġ tas-Saċerdoti Missjunarji San Ġorġ Preca. Il-qaddis protettur kif jindika l-isem, San Ġorġ Preca li kellu ħafna għall-qalbu l-evanġeliżazzjoni speċjalment fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

Din il-ħidma se tkun tikkonsisti filli flimkien ma’ saċerdoti oħra inżuru l-familji fi dajrhom, kuntatt personali, ħidma u attenzjoni lit-tfal speċjalment fl-iskejjel, kif ukoll attenzjoni lill-persuni li jinsbu fil-periferija tal-Knisja u tas-soċjeta’.

Din il-ħidma se ġġibna f’kuntatti dirett mar-realtajiet differenti tal-familja. Għalhekk dak li tgħallimt f’dawn l-aħħar tmien snin issa nista’ nużahom fil-parroċċi permezz ta’ dan il-kulleġġ.

Konklużjoni

Nagħlaq billi nirringrazzja lilek President tas-sapport li tajtni minkejja diffikultajiet li kien hemm; grazzi lill-Kunsill kollu u nawgura li jxammar il-kmiem għax hemm ħafna x’isir. Nirringrazzja lil Fr Aayrton li minkejja diffikultajiet ta’ traġitt sab il-ħin biex inkunu flimkien. Grazzi lilkom mhux li aċċettajtu l-istedina tagħna għal din iċ-ċelebrazzjoni illejla imma għall-ħidma kbira tagħkom b’risq il-familja.

Nitolbu l-Madonna ta’ Kana tbierek lilna u lill-familji tagħna.

Grazzi ħafna.

Dun Charles Attard

“Jalla d-dar tagħkom, il-familja tagħkom, tkun skola. Skola għalikom it-tnejn li titgħallmu minn xulxin; ‘il quddiem, jekk Alla jrid, anke għal uliedkom.” – L-isqof Frendo

L-Omelija tal-Isqof Ġorġ Frendo O.P. fil- Quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu fis-sena 2023

Ftit jiem ilu ċċelebrajna l-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù. Ġieli staqsewni, ‘imma Ġesù li ma kellu l-ebda dnub, għaliex tgħammed?’ meta l-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista kienet magħmudija tal-midinbin, biex jitolbu maħfra għall-dnubiethom. Però Ġwanni l-Evanġelista, f’dan l-Evanġelju jgħidilna għaliex Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni l-Battista. Għaliex Ġwanni l-Battista kellu juri min hu Ġesù. Fil-fatt hawnhekk jgħid: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla’” (Ġw 1:33-34).

Għaliex Ġesù huwa msejjaħ ‘Ħaruf’? Ma nafx jekk qattx kellkom l-okkażjoni taraw lil xi ħadd joqtol ħaruf. Jien darba kelli ċans, meta kont l-Albanija. Għamilt 25 sena hemmhekk. Imma darba wieħed raġel, li kien jgħix f’gebuba u li konna għinnieh biex almenu jibni żewġt ikmamar — kienu familja kbira — biex ipattilna, ġabilna ħaruf. Rajtu joqtlu. Imma ħaġa tal-għaġeb, tant impressjonajt ruħi meta rajt lil dan il-ħaruf ma jagħmel l-ebda reżistenza; annimal tant ġwejjed. Għalhekk Ġesù huwa mxebbah mal-ħaruf, għaliex fil-fatt huwa dak li ma għamel l-ebda reżistenza, lanqas meta għajruh, lanqas meta arrestawh, sawtuh u sallbuh.

Dan Hu Ġesù; imma huwa wkoll dak li niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. Huwa dejjem mimli bl-Ispirtu s-Santu. San Luqa jurina ħafna ċar kif l-Ispirtu s-Santu ħadem f’Ġesù. Ġesù huwa msejjaħ ukoll, kif smajna fl-ewwel qari, ‘il-Qaddej’, huwa l-qaddej ta’ Alla.

Dak li jingħad dwar Ġesù, l-Evanġelisti jridu li aħna nifhmu li dan jgħodd għalina wkoll. Veru li aħna m’aħniex l-Iben ta’ Alla, però, kif kien qal wieħed kittieb kbir tas-seklu III, Tertuljanu: ‘In-Nisrani huwa Kristu ieħor’. Aħna Kristu ieħor, imsejħin biex inkunu qaddejja. Issa fl-Iskrittura, li wieħed jissejjaħ ‘qaddej’, dan kien titlu ta’ unur, ta’ ġieħ. Li aħna nissejħu ‘qaddejja ta’ Alla’, u anke ‘qaddejja tal-oħrajn’ huwa għalina titlu ta’ ġieħ.

Imbagħad Ġesù jkompli jurina aħna min aħna. Hu, mimli bl-Ispirtu s-Santu, illum qed ifakkarna li aħna wkoll irċivejna l-Ispirtu s-Santu. Mhux irċevejnieh darba għal dejjem u daqshekk. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jibqa’ jaħdem fina, jgħaqqadna flimkien fl-imħabba, jimliena bil-ferħ. Il-ferħ, fil-fatt, huwa wieħed mill-frott tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li jagħtina l-paċi, l-għaqda.

San Pawl, fit-tieni qari li smajna, qed jindirizza lin-nies ta’ Korintu bħala: “il-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu” (1Kor 1:2). Nafu li San Pawl ġie Malta, imma sfortunatament ma ħallielna l-ebda ittra; imma kieku kellu jiktbilna ittra, kien jindirizzaha proprju b’dawn il-kelmiet: ‘il-Knisja ta’ Kristu li qiegħda f’Malta’. Mhux biss, imma qiegħed isejħilhom: qaddisin “li tqaddsu fi Kristu Ġesù” (1Kor 1:2). Din hija s-sejħa tagħna lkoll. Aħna msejħin għall-qdusija.Il-magħmudija li aħna rċevejna ma qaltilniex: ‘inti trid tkun tajjeb’; qaltilna xi ħaġa iżjed: ‘inti trid tkun qaddis’.

Ħa nindirizza lilkom, speċjalment għarajjes, li msejħin għall-qdusija permezz tal-istat li se tidħlu għalih : l-istat taż-żwieġ. Tinsewx li se tiżżewġu fil-Knisja, u ż-żwieġ għalikom ifisser ‘Sagrament’. Tafu x’inhu Sagrament hux hekk? Mhuwiex sempliċiment ċerimonja fil-knisja, imma huwa laqgħa ma’ Kristu. Kristu, li se jiltaqa’ magħkom, se jgħaqqadkom flimkien; imma se jiggarantilkom ukoll il-preżenza tiegħu. Se jorbotkom flimkien biex jibqa’ magħkom. Irid jibqa’ magħkom, mhux biex jagħmlilkom il-ħajja iktar diffiċli tafux; għall-kuntrarju, biex jikkomunika lilkom dik l-imħabba li tkompli ssaħħaħ l-għaqda tagħkom fl-imħabba. Intom diġà qegħdin f’din l-avventura ta’ mħabba, tasal fil-quċċata dakinhar li tiżżewġu. Ftakru wkoll li ż-żwieġ ma jfissirx li issa wasaltu fejn kellkom taslu. Maż-żwieġ qegħdin tiftħu paġna ġdida, kapitlu ġdid fil-ħajja tagħkom li jitlob minnkom fedeltà, indissolubbiltà. Ma ninsewx dawn il-kwalitajiet. Illum forsi saru sfida, għaliex qegħdin f’dinja ta’ tant pornografija, f’dinja fejn teżisti nuqqas ta’ stabbiltà, u sfortunatament għalhekk kultant niltaqgħu ma’ żgħażagħ li forsi qed jgħixu flimkien, imma qed jibżgħu li jagħtu l-pass taż-żwieġ. Jibżgħu, għaliex ma jħossux li għandhom jgħidu ‘iva’ darba għal dejjem.

Imma intom temmnu fi Kristu? Temmnu li Kristu se jgħaqqadkom? Allura emmnu wkoll li hu se jibqa’ magħkom. Jiggarantilkom il-preżenza tiegħu li tgħinkom biex tħarsu l-fedeltà lejn xulxin, biex tifhmu li hija rabta sal-mewt, u rabta fi mħabba li tikber, ma tixjieħx. Ibqgħu dejjem bil-bieb miftuħ għal Kristu fil-ħajja tagħkom. Anzi roddulu ħajr. Qisu lil xulxin bħala don għal xulxin. Għidulu lill-Mulej: Grazzi Mulej għar-raġel tiegħi, u semmi ismu. Grazzi Mulej għall-mara tiegħi, u semmi isimha. Intom doni għal xulxin. Ifhmuh dan, irringrazzjaw lil Alla għal xulxin.

Fl-aħħar nett, meta mbagħad ir-rabta tagħkom ma tibqax rabta ta’ tnejn, imma ta’ tlieta, ta’ erbgħa — għaliex il-familja tagħkom tikber — dejjem ftakru li l-ulied huma l-frott tal-imħabba tat-tnejn indaqs, tnejn indaqs fid-dinjità. Iż-żwieġ mhuwiex rabta bejn wieħed li jikkmanda u waħda li tobdi; hija rabta bejn tnejn li huma ndaqs fid-dinjità. Meta Alla ħalaq il-bniedem, qal: “ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Ix-xbieha ta’ Alla hija daqskemm hi fir-raġel hija wkoll fil-mara.

Jalla d-dar tagħkom, il-familja tagħkom, tkun skola. Skola għalikom it-tnejn li titgħallmu minn xulxin; ‘il quddiem, jekk Alla jrid, anke għal uliedkom. Jien tlift lil missieri meta kelli 10 snin, kont żgħir. Però, kull meta nidħol f’din il-knisja niftakar meta bħala tifel żgħir kont niġi miegħu, kien dejjem jagħmel żjara quddiem is-Sagrament, u jżur il-kappella tal-Madonna ta’ Caraffa. Ħaġa oħra li niftakar hi li għall-birthday ta’ ommi, wara x-xogħol, kien dejjem jgħaddi jixtri kaxxa pasti għall-familja. Konna numru kbir fil-familja dak iż-żmien. Però, kemm tifkiriet ta’ tfulija jibqgħu. Jalla wliedkom, l-ulied futuri tagħkom, jibqgħu dejjem jgħożżu l-eżempji sbieħ illi intom se tagħtuhom. Intom tkunu l-ewwel edukaturi ta’ wliedkom.               

“Ifhmu li jiġri x’jiġri minnkom, għalikom il-Mulej huwa grazzja, huwa mħabba, ħniena u paċenzja. Kunu dan għal xulxin.” – Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għal-ġid tagħkom” (Ef 3:2). Din il-kelma ta’ San Pawl, tgħodd ukoll għalikom. Itolbu biex dejjem tagħrfu u tifhmu li s-Sagrament taż-Żwieġ, li dħaltu għalih bil-kunsens ta’ bejnietkom, huwa għalikom pjan tal-grazzja ta’ Alla. Aħna, meta ngħidu l-kelma grazzja, irridu nfissru mħabba, ħniena u paċenzja. Jiena nispera u nawgura li ħadtu grazzja b’xulxin xi darba, u li meta tħarsu lejn xulxin forsi għadkom tiftakru dik ix-xrara tal-bidu, bejn argument u ieħor. Imma tinsewx li dik it-tbissima u l-ħarsa tal-bidu, il-bewsa tal-bidu, huma pjan tal-grazzja ta’ Alla: imħabba, ħniena u paċenzja. 

Aħna qegħdin nagħmlu l-festa kbira ta’ dan Alla li biex jurina l-milja tal-grazzja tiegħu, il-milja tal-imħabba, tal-ħniena u tal-paċenzja, sar tarbija. Jiena nitlob fuqkom u nawguralkom, kulħadd skont il-possibbiltà tiegħu, skont is-sejħa tagħkom, li ssiru ġenituri, li jkollkom il-grazzja li tħaddnu lil uliedkom, u tkunu għalihom ukoll grazzja; tkunu għalihom ukoll imħabba, ħniena u paċenzja. Aħna qegħdin nagħmlu l-festa ta’ din it-tarbija li bit-tbissima tagħha, bil-bikja tagħha, bil-bżonn kollu li għandha, bid-dipendenza fuq kull wieħed u kull waħda minna, għax din it-tarbija tiddependi fuq kollox. Niddeċiedu aħna jekk titwelidx jew le, niddeċiedu aħna tikolx jew le, niddeċiedu aħna titfisqiex jew le. It-tarbija hija ħlejqa vulnerabbli b’mod totali, imbagħad bil-mod il-mod tinfatam mid-dipendenza kollha. 

Alla sar tarbija, Alla sar vulnerabbli, dipendenti għal kollox mill-għożża tagħna. F’din id-dinja ddeċieda li jkun f’idejn din il-koppja, Marija u Ġużeppi, li flimkien mal-Iben, ma’ Ġesù, jiffurmaw il-familja ta’ Nazaret. Imma llum il-Mulej jixtieq, u aħna dan li qed niċċelebraw, li jkun dawl għall-ġnus.

Lill-Maġi, għorrief tal-Lvant, x’aktarx mill-Persja, fejn illum hemm inkwiet kbir, kellimhom b’lingwaġġ li jifhmu, bil-lingwaġġ tal-astronomija u l-astroloġija wkoll, għax dak iż-żmien iż-żewġ xjenzi kienu ħaġa waħda. Il-kwiekeb u l-movimenti tagħhom, u l-mistoqsija: imma dan kollu xi jfisser? “Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2), infittxuh. Fil-Maġi hemm istint qawwi tat-tfittxija. X’qegħdin ifittxu? Qegħdin ifittxu dawl.

Ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Mattew jitkellem dwar il-ferħ ukoll. Kienet tfittxija ferħana. Jiena dan nawguralkom ukoll, li intom tfittxu fl-imħabba ta’ bejnietkom, li għandha l-mumenti ta’ dlam u ta’ diffikultà bħal kull imħabba, li tkomplu tfittxu lill-Mulej, lil Ġesù, li għalikom din it-tfittxija tkun dawl u ferħ. Imma l-Mulej fittxuh ukoll meta l-piż ikun tqil; fittxuh ukoll meta tħossukom weħidkom, individwalment, avolja fil-koppja; fittxuh ukoll meta tkunu ttentati, għax forsi tal-ġara jfuħ iżjed l-ikel li trid. Itolbuh, ħossuh magħkom. 

Ifhmu li jiġri x’jiġri minnkom, għalikom il-Mulej huwa grazzja, huwa mħabba, ħniena u paċenzja. Kunu dan għal xulxin. Għal xulxin kunu mħabba ta’ vera li tagħti ħajtek, allura tinsa lilek innifsek. Mhux faċli. Li tkunu ħniena, għax li taħfer huwa l-ikbar att ta’ mħabba. Il-maħfra kapaċi tibdel storja ta’ biki u ta’ negattività f’xi ħaġa sabiħa, bidu ġdid; imma l-ewwel wieħed irid jgħaddi mill-proċess tal-maħfra reċiproka; il-paċenzja, li hija l-lingwaġġ ta’ kuljum tal-imħabba. 

Jiena, fl-aħħar ta’ din il-Quddiesa, se jkolli l-pjaċir kbir li nsellmilkom koppja koppja, u se nagħtikom kurċifiss. Tgħiduli, imma llum mhux il-Ġimgħa l-Kbira, imma l-Epifanija. Ħarsu lejn Ġesù b’idejh miftuħa, bil-kustat tiegħu miftuħ għalina, u itolbuh imħabba, ħniena u paċenzja.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Wegħda differenti

Waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ issir il-wegħda bejn il-koppja li jkunu fidili lejn xulxin f’kull moment ta’ ħajjithom, li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin tul ħajjithom kollha.

Din l-istess wegħda wieħed jista’ jfissirha b’dan il-mod. Inwegħdek li

  • Ngħinek tħobb il-ħajja;
  • Li dejjem inżommok fl-għożża;
  • Li l-paċenzja ma tonqos qatt għax hekk tfisser “tħobb”;
  • Li nitkellem meta hemm bżonn;
  • Li niskot meta hemm bżonn;
  • Li naqblu li nistgħu ma naqblux;
  • Li s-sħana ta’ qalbek tkun “id-dar”;

Nawgura lil koppji miżżewwġa jgħixu din il-wegħda.

Dun Charles Attard

Gratitudni

 Rari niltaqħu ma’ Ġesu li jilmenta… imma meta jilmenta ninnotaw fih għafsa ta’ qalb.

Illum niltaqgħu ma’ Ġesu jilmenta ma’ raġel li mfejjaq mill-marda tal-lebbra: “Mhux l-għaxra fiqtu? Fejn huma id-disa l-oħra?”

Forsi dak li fieq lil Ġesu qallu, “… imma jiena ġejt ngħidlek ‘grazzi’”. 

Kemm hi nieqsa l-gratitudni speċjalment fil-familji tagħna!

  • Meta nara t-tazza nofsha vojta u ninsa li t-tazza hi  nofsha mimlija.
  • Meta ngorr għax it-tfal imqarbin u ninsa li t-tfal huma b’saħħithom.
  • Meta tgorr għax martek/żewġek iqabbiżhielek u tkun grat/grata li hemm xi ħadd li qed taqsam ħajtek miegħu/magħha.

… u l-lista ta’ gratitudnijiet tista’ tkun twila ħafna.

Grazzi Mulej ta’ kollox.

Dun Charles Attard