17/09/2025 Ċentru Pastorali San Sebastjan, Ħal Qormi
Il-Familja Nisranija bħala Fanal ta’ Tama – Diskors minn Mons Brendan M Gatt Vigarju Ġudizzjali
“Marriage, what a weird concept: two people meet, spark off an emotional explosion which is probably the most intense feeling they will ever have in their entire lives; they rush off to a church, swear they will keep it up forever; then when the steam of lust has cleared, and they see each other’s blackheads and nasal hair with pustular clarity, they realise they are joined at the legal hip and are condemned to years of sullen compromise, bitterness, despair, depression, futility, and only if they’re lucky the blessed release of an early death.”
“I never realised it was such fun!”
(Diana Trent & Tom Ballard, Waiting for God (TV Series), 1990-1994)
Kemm hu faċli li nagħtu spjegazzjonijiet riduttivi dwar iż-żwieġ u l-familja li jwaqqgħu d-dinjita’ ta’ dawn iż-żewġ realtajiet minflok jeżaltaw is-sbuħija tagħhom u l-importanza tagħhom għal soċjetà sana. Ovvjament fil-media – b’mod speċjali fejn jidħol l-element komiku – wieħed ma jiskantax b’ dan it-tip ta’ diskors.
Iżda jeżisti l-periklu serju li aħna wkoll nixorbu l-ispirtu tad-dinja ta’ madwarna (minħabba influwenzi kulturali u medjatiċi) u bla ma nkunu konxji nibdew naraw iż-żwieġ u l-familja mhux fid-dawl tal-missjoni oriġinali u s-sbuħija ewlenija li bihom ħalaqhom Alla, imma fid-dell ta’ kunflitti, obbligi, rabtiet, toqol, eċċ., bħal ħafna oħrajn madwarna.
Bħala antidotu għal dan il-velenu nixtieq noffrilkom dak li qal il-Papa Franġisku meta indirizza il-Festival of Families ġewwa Philadelphia (USA). Araw x’differenza fit-ton u fl-ispirtu. Mhux għax il-Papa jinjora t-tbatija u d-diffikultajiet li jeżistu fil-familji, imma għax jara l-familja bħala ħolqien u għodda ta’ Alla.
“Ninsabu f’festa tal-familji. Il-familja għandha l-karta taċ-ċittadinanza divina. Ċara din il-ħaġa? Il-karta taċ-ċittadinanza divina li għandha l-familja tahielha Alla biex fi ħdanha jikbru dejjem aktar il-verità, l-imħabba u l-ġmiel. Xi ħadd jista’ jgħidli: “Inti qed tkellem hekk għax m’intix miżżewweġ!” Tassew, fil-familji hemm id-diffikultajiet. Fil-familji jkun hemm it-tilwim. Fil-familji kultant tara l-platti jtiru. Fil-familji hemm l-uġigħ ta’ ras tal-ulied. Biex ma nsemmux il-kunjati….”. Iva, fil-familji dejjem, dejjem, hemm is-salib. Għax l-Iben ta’ Alla talabna nimxu warajh f’din it-triq ukoll. Imma fil-familji wkoll, wara s-salib jiġi l-qawmien mill-imwiet, għax hemm ukoll imexxina l-Iben ta’ Alla. U minħabba f’hekk il-familja – skużawni “Il-Familja Nisranija bħala Fanal ta’ Tama” – Mons. Brendan Gatt li ser nuża dan il-kliem – il-familja hi fabbrika ta’ tama, tama ta’ ħajja u qawmien, għax hu Alla li fetħilna din it-triq.” (Papa Franġisku, 26 ta’ Settembru 2015)

Fanal li jfarraġ u juri t-triq
Bħala xbieha biex tispira l-ħsibijiet tagħna llum xtaqt nissellef l-idea ta’ FANAL; fanal (lighthouse) jixħet id-dawl tiegħu fuq il-baħar sabiex joffri gwida lill-baħħara u lill-biċċiet tal-baħar li jkunu għaddejjin qrib dak ix-xatt partikolari. Nimmaġinah sors ta’ wens għall-baħħara li jaraw dak id-dawl fid-dalma, imma huwa wkoll twissija. Twissija li hemm il-blat fil-qrib u allura jeħtieġ li jbaħħru b’kawtela biex jevitaw id-disgrazzji.
Hekk għandha tkun il-familja Nisranija u ż-żwieġ Nisrani llum għad-dinja: fanali ta’ tama għad-dinja. Fanal li jqanqal kuraġġ u paċi, li jnissel sens ta’ mħabba u għożża. Imma fl-istess ħin huwa wkoll fanal li jwissi lis-soċjetà dwar il-kurrenti perikolużi li hemm taħt wiċċ il-baħar ta’ żmienna, u jiggwida lill-bnedmin lejn port sigur.
F’dan ir-rigward importanti li jkollna idea korretta ta’ x’inhi l-virtù tat-TAMA: it-tama mhijiex ottimiżmu jew wishful thinking. Bħal per eżempju: “Nittama li t-tim li nżomm miegħu jirbaħ il-kampjonat”, jew “nittama li nirbaħ il-lotterija” jew “nittama li jkun bnazzi dakinhar tat-tieġ”! It-tama pjuttost hija fiduċja qawwija u konkreta f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu; twemmin sod li – għax Alla huwa tajjeb, u fidil, u qawwi – fil-ħin tiegħu sejjer iwettaq il-wegħdiet tiegħu għall-ġid tal-maħbubin tiegħu, b’mod speċjali l-wegħda li jsalva lill-poplu tiegħu. Imma dan jitlob minna impenn ukoll: impenn biex inkunu marbutin ma’ dawn il-wegħdiet ta’ Alla, biex nistennew b’mod attiv, u biex nagħmlu l-parti tagħna sabiex nikkooperaw mal-grazzja tiegħu.
Is-sejħa tal-Papa Franġisku għall-Ġublew tat-Tama kienet proprju li jeħtieġ nimxu bħala Pellegrini tat-Tama. Id-dinja għatxana għal sinjali li jfakkruha li l-imħabba hija reali, li l-impenn (commitment) huwa possibbli, u li l-kompassjoni u l-fidi għadhom jistgħu jibdlu l-ħajjiet u joffrulhom sens u skop. Il-Famija Nisranija li ssib għeruqha fl-imħabba t’Alla hija waħda mill-aqwa xhieda għal dawn ir-realtajiet. U allura llum xtaqt nirrifletti magħkom dwar kif il-familji Nsara jistgħu jiddu b’dawl li jwennes u jfarraġ.
Il-Fanal iwettaq xogħlu billi jixgħel, billi jwaddab ir-raġġi tad-dawl tiegħu ‘il bogħod, fid-dlam u ċ-ċpar. Dan huwa l-mod kif jegħleb id-dlam: billi jkun dak li hu, u jagħmel dak li għandu jagħmel. L-istess tagħmel il-familja Nisranija: tixgħel dawl fid-dlam mhux bl-argumenti u l-priedki (għalkemm ċertament huma meħtieġa wkoll nies li jartikolaw it-tagħlim tal-Knisja dwar żwieġ u familja u jiddefenduh fejn hemm bżonn), iżda sempliċiment billi tkun dak li hi: familja magħquda fl-għożża tal-membri tagħha. Din tkun l-aqwa priedka u tagħlim: meta l-familja tgħix il-vokazzjoni tal-imħabba.
“Il-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja jgħaddi mill-famija” San Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio (n. 75)
Imma x’inhuma il-valuri, id-dwal, li joħorġu minn familja li tgħix sewwa s-sejħa tagħha?
1. Imħabba bla kundizzjonijiet
- Il-familji juru lid-dinja kif tkum imħabba ħielsa u bla kundizzjonijiet.
- L-ewwel esperjenza li t-tfal jagħmlu ta’ Alla tkun permezz tal-imħabba tenera tal-ġenituri tagħhom. Hija imħabba gratwita, imħabba li tħobbok sempliċiment għax teżisti, mhux għal xi ħaġa li għamilt. Aħna ma għamilna xejn biex nimmeritaw l-imħabba tal-ġenituri tagħna ħlief li twelidna!
- F’dan is-sens, din l-imħabba li aħna nirċievu – bla ma jistħoqqilna – mill-familji tagħna, meta nkunu għadna fi stat fejn ma nistgħu nagħmlu xejn biex inpattu għal dik l-imħabba, hija rifless tal-imħabba ta’ Alla nnifsu. (1 Ġwanni 4:19)
- (Rumani 5:8)
- F’dinja li tirriduċi r-relazzjonijiet u l-imħabba għal sempliċi konvenjenza jew interessi personali, u fejn is-sess jiġi ridott għal “negozju” (fis-sens ta’ skambju ta’ favuri jew pjaċiri), l-imħabba ġeneruża (agape), li tagħti lilha nfisha (self-giving) tal-miżżewġin hija sinjal profetiku.
- kultura ta’ fedeltà u impenn li tgħin lill-koppja sabiex tibqa’ flimkien fil-mumenti diffiċli u mhux taqta’ qalbha mal-ewwel intopp;
- Tgħin ukoll sabiex it-tfal jitrabbew b’iktar ; tfal li mhumiex kontinwament beżgħana dwar jekk il-ġenituri tagħhom humiex se jibqgħu flimkien (jew kif se jqattgħu l-ħin ma’ ġenituri separati u jipprovaw jogħġbuhom it-tnejn) imorru FERM aħjar fuq kull livell fil-ħajja tagħhom.
- Effett sekondarju imma importanti huwa li familji magħquda jgħinu wkoll fis-suċċess ekonomiku tas-soċjetà madwarhom u ; jgħinu wkoll għall-formazzjoni ta’ ċittadini tajbin għax irawmu lil uliedhom b’sens ta’ dover u dixxiplina.
2. Il-Komplementarjetà tal-Mara u r-Raġel
- Kontra l-imbuttatura tad-dinja li donnha trid tħassar id-differenzi bejn is-sessi (jew tagħti l-impressjoni li meta nivvalorizzaw il-karatteristiċi partikolari tal-mara jew tar-raġel qisna qed nonqsu mir-rispett lejn is-sess l-ieħor), : “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. (Ġenesi 1:27)
- Il-komplementarjetà ġenwina tar-raġel u l-mara ġġib rikkezza għar-relazzjoni ta’ bejniethom u għas-soċjetà.
- L-ulied ukoll jibbenefikaw immens meta jesperjenzaw id-doni partikolari tal-ġenituri tagħhom bħala raġel u mara. Il-ġenituri għandhom ikunu mudelli tajba ta’ awtentiċi.
- Il-komplementarjetà, meta tingħex sew, twassal għal kooperazzjoni, rispett reċiproku u s-sbuħija tad-differenzi li jiġu armonizzati mill-imħabba. Meta nitkellmu dwar armonija nifhmu żewġ (jew iktar) noti differenti li meta jindaqqu flimkien jagħmlu ħoss iktar rikk u sabiħ milli kieku għandek sensiela ta’ noti individwali jindaqqu waħda wara l-oħra; hekk ukoll ir-raġel u l-mara flimkien jagħmlu armonija: juru l-umanità b’mod ferm isbaħ u iktar awtentiku milli kieku jeżistu irġiel biss jew nisa biss.
3. Il-Fidi li tingħex kuljum
- Il-familja hija l-ewwel skola ta’ fidi u talb. L-iktar sens bikri ta’ dak li hu Divin u lil’hinn minna, wisq probabbli tgħallimnieh mingħand il-ġenituri jew in-nanniet tagħna.
- F’dinja sekolari, familja li titlob issir xhieda u stedina biex il-bnedmin jerfgħu ħarsithom ‘il fuq, u jinfetħu għax-xefaq tal-fidi. Ħafna nies madwarna jgħixu b’ħaristhom dejjem ‘l isfel, iffukati biss fuq ħwejjeġ li jgħaddu u jintemmu (xogħol, divertiment, ġid, eċċetra).
- Familja li tgħix skont il-prinċipji tal-Vanġelu tixhed għat-tama f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu. Tfakkar lill-bqija tas-soċjetà li anki f’mumenti ta’ diffikultà kbira, Alla jibqa’ fidil, preżenti u attiv fil-ħajja tal-koppja u tal-familja.
- Familja nisranija tixhed ukoll għal moralità oġġettiva, l-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dawn ma jinbidlux meta ma jibqgħux konvenjenti, jew jiskadu biż-żmien għax issa m’għadhomx moda. Kultant ikun hemm nies li bid-diskors jesprimu prinċipji sodi ħafna, kważi riġidi, jirraġunaw “iswed u abjad”, imma meta huma jew xi ħadd qrib tagħhom jiffaċċja sitwazzjonijiet partikolari, malajr jibdlu d-diska u jiskużaw dik l-imġieba li qabel kienu jikkundannaw.
- Azzjonijiet u ritwali żgħar imma sinifikattivi (bħat-talb qabel l-ikliet u qabel l-irqad, il-quddiesa, il-kura tal-membri dgħajfa tal-familja, il-maħfra lil min żbalja) iwasslu l-imħabba t’Alla lill-ġirien, lill-parroċċi, u lis-soċjetà iktar mifruxa.
4. Rifuġju ta’ sapport u kompassjoni
- Il-Familji huma l-bażi soda, il-pedament, tal-istabbilità soċjali.
- Kieku ma jkunux il-familji li joffru kura u ħarsien lill-anzjani, lill-morda, lil dawk fil-bżonn, u lill-persuni vulnerabbli, kieku l-piż (u sintendi l-ispejjeż) fuq l-istat ikunu FERM ikbar.
- F’mumenti ta’ kriżi, il-familja ssir port sigur għall-membri kollha tagħha.
- L-eżempju tal-familja Nisranija jgħallem lill-bqija tas-soċjetà il-valur tas-solidarjetà awtentika.
- Il-membri ta’ familja soda spiss joffru servizz ta’ volontarjat f’realtajiet oħra soċjali u reliġjużi.
- Il-Familja, fanal li jwissi dwar il-periklu
Fanal mhux biss iwennes bid-dawl tiegħu, imma wkoll iwissi dwar perikli ta’ blat, sikek eċċetra. Hemm ukoll ix-xbieha tal-ħġejjeġ (beacons) li kienu jwasslu messaġġi urġenti dwar periklu imminenti bħal invażjoni jew furbani. Iż-żwieġ Nisrani u l-familja li tirriżulta minnu, jistgħu jservu proprju f’dan ir-rwol ta’ twissija, kontra l-perikli li jeżistu fis-soċjetà ta’ llum.
Il-Knisja – bħala dawk li jieħdu ħsieb il-fanal – (u b’estensjoni, dawk l-għaqdiet u movimenti fi ħdanha li jaqdu lill-familja) trid tkun viġilanti u tgħasses: mhux biex tikkundanna imma biex tipproteġi.
Jeżisti periklu llum il-ġurnata, anki fi ħdan il-Knisja, li dak li sa ftit snin ilu ma kienx kontroversjali, illum f’daqqa waħda jibda jinħass bħala diviżiv. Dan iseħħ minħabba l-influwenza qawwija tal-media u tal-lobbies kbar internazzjonali li għandhom viżjoni differenti ħafna minn tagħna dwar żwieġ u familja (u dwar il-prinċipji li jsawwru u jsostnu lil dawn ir-realtajiet). Innotaw per eżempju dan il-kliem tal-Papa Ljun, proprju ftit jiem wara l-elezzjoni tiegħu bħala Ragħaj tal-Knisja Universali:
“Hu dmir ta’ min hu responsabbli fil-gvern biex jagħmel ħiltu ħalli jkun hemm soċjetà ċivili ġusta, armonika u paċifika. Dan jista’ jsir l-ewwel u qabel kollox bl-investiment fil-familja mwaqqfa fuq l-għaqda bejn raġel u mara, “soċjetà ċkejkna imma awtentika, li ġiet qabel kull soċjetà ċivili” (Rerum Novarum, 9). Minbarra dan, ħadd ma jista’ jfarfar ir-responsbbiltà biex jiffavorixxi kuntesti li fihom tkun imħarsa d-dinjità ta’ kull persuna, speċjalment tal-aktar fraġli u bla difiża, mit-tarbija fil-ġuf sal-anzjan, mill-marid sa min hu bla xogħol, kemm jekk ċittadin u wkoll jekk migrant.” (Papa Ljun XIV, 16 ta’ Mejju 2025, Diskors lill-Membri tal-Korp Diplomatiku)
Żagħżugħa nisranija li nafha minn komunità ta’ żgħażagħ bagħtitli, donnha inkwetata dwar dan. Qaltli “Il-Papa kontra l-gays?” Dan għax sempliċiment tkellem b’mod seren u mingħajr ebda sens ta’ polemika dwar realtà li sa madwar għaxar snin ilu ħadd ma kien jiċħadha jew jiddubitaha, jiġifieri li l-familja hija mwaqqfa fuq ir-rabta bejn raġel u mara.
Għaldaqstant nixtieq niġbor ftit minn dawn il-perikli li ninsabu mdawwrin bihom, sabiex naraw id-dawl tal-familja u taż-żwieġ Nisrani xi jwissina dwarhom.
1. Kultura ta’ “skart”
- Il-Papa Franġisku spiss wissiena kontra l-kultura tal-“usa e getta”, jiġifieri r-risku li nitrattaw lill-persuni daqs li kieku kienu disposable, narmuhom meta ma fadalx użu għalihom.
- Iżda ż-żwieġ imma impenn għal ħajtek kollha. “Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem.” (Mark 10:9)
- F’kultura tal-iskart, il-permanenza taż-żwieġ (fejn ma naqtgħux qalbna minn xulxin, fejn ma nqattgħux il-karti fuq ħmerija), toffri sfida: hija kontro-kulturali.
- Il-kunċett ta’ permanenza joffri wkoll serħan tal-moħħ u libertà awtentika lil dawk li jgħixuha. Jekk nemmen li jien u marti/żewġi għandna relazzjoni stabbli u permanenti, ma jkollix ħafna inċertezza u anzjetà.
2. Ideoloġiji perikolużi
- Ċerti ideat kontemporanji jistgħu iħawwdu jew jgħawwġu il-mod kif inħarsu lejn iż-żwieġ, il-familja, u saħansitra l-identità umana.
- L-ideoloġija tal-ġeneru (gender ideology) tirriduċi l-ġisem għal xi ħaġa inċidentali minflok xi ħaġa integrali għal dak li aħna. Jiġifieri naqgħu fl-idea żbaljata li hija r-ruħ u l-moħħ (jew il-consciousness) li tiswa, mhux il-ġisem. Qisu ġisimna sekondarju għall-eżistenza tagħna: b’dan il-ġisem partikolari jew b’ieħor, ma tagħmilx differenza. Minn hawn jiġu ideat żbaljati u perikolużi fejn in-nies jaħsbu li wieħed jista’ jibdel is-sess tiegħu jew tagħha.
- Id-dikjarazzjoni tad-Dikasteru tad-Duttrina tal-Fidi, Dignitas Infinita, (2024) għandha dan x’tgħidilna dwar it-Teorija tal-Ġeneru, l-aktar fil-paragrafu 59:
“F’dan is-sens, ir-rispett kemm għall-ġisem tagħna stess kif ukoll għal dak tal-oħrajn huwa kruċjali fid-dawl tal-proliferazzjoni ta’ talbiet għal drittijiet ġodda avvanzati mit-teorija tal-ġeneru. Din l-ideoloġija “timmaġina soċjetà mingħajr differenzi sesswali, u b’hekk telimina l-bażi antropoloġika tal-familja.” Għalhekk isir inaċċettabbli li “xi ideoloġiji ta’ dan it-tip, li jfittxu li jwieġbu għal dawk li xi kultant huma aspirazzjonijiet li wieħed jista’ jifhimhom, jirnexxilhom jaffermaw lilhom infushom bħala assoluti u indiskutibbli, saħansitra jiddettaw kif għandhom jitrabbew it-tfal. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ‘s-sess bijoloġiku u r-rwol soċjo-kulturali tas-sess (ġeneru) jistgħu jiġu distinti iżda mhux separati.’” Għalhekk, kull tentattiv biex tiġi joskurata r-referenza għad-differenza sesswali ineliminabbli bejn ir-raġel u l-mara għandu jiġi miċħud: “Ma nistgħux nisseparaw il-maskil u l-femminil mill-opra tal-ħolqien ta’ Alla, li kienet minn qabel id-deċiżjonijiet u l-esperjenzi kollha tagħna, u fejn jeżistu elementi bijoloġiċi li huwa impossibbli li ninjoraw.” Huwa biss billi nirrikonoxxu u naċċettaw din id-differenza fir-reċiproċità li kull persuna tista’ tiskopri bis-sħiħ lilha nnifisha, id-dinjità tagħha u l-identità tagħha.”
- L-ideoloġija tal-ġeneru faċilment tidher twajba u kompassjonevoli, għax tuża tip ta’ lingwaġġ li jesprimi kura u ħarsien, imma fir-realtà hija perikoluża ħafna; toffri soluzzjonijiet li spiss jikkawżaw iktar ħsara minn dak li jixtiequ jfejqu jew jgħinu.
- Dan ma jfissirx li ma hemmx persuni li ġenwinament ibatu minn dak li jissejjaħ gender dysphoria u jħossu li huma maqbuda (qishom f’ħabs) f’ġisem żbaljat. Imma spiss bħala risposta tiġi amministrata – mingħajr studju suffiċjenti tar-realtà tal-persuna, u mingħajr spjegazzjoni tal-konsegwenzi – l-hekk imsejħa gender-affirming care li hija perikoluża u li numru mhux żgħir minn dawk li jirċevuha eventwalment jibdlu l-ħsieb dwarha, meta sfortunatament jkun tard wisq. Biżżejjed wieħed ifittex stejjer ta’ detransitioners online biex jara.
- Diversi pajjiżi (inklużi pajjiżi avvanzati bħal dawk Skandinavi) qed jagħmlu passi serji lura mill-“kura” bl-ormoni u kirurġija, għax raw il-ħsara kbira li saret lil bosta. Ir-riżultat f’dawn it-tfal u żgħażagħ tkun l-isterilità li tirriżulta mill-ormoni u mill-mutilazzjoni tal-organi ġenitali tagħhom.
- Sfortunatament, ħafna interventi ta’ gender-affirming care isiru bl-iskuża li jekk ma jsirux, il-persuna tispiċċa tagħmel suwiċidju; iżda r-realtà turi li r-rata ta’ suwiċidji (attentati jew effettivi) ftit li xejn tvarja f’dawk li jkunu għamlu l-hekk imsejħa “tranżizzjoni”.
- Il-Knisja jeħtieġ tibqa’ – mhux b’ostilità – għal dawn l-isfidi; jeħtieġ nitkellmu l-verita’ bl-imħabba (ara Efesin 4:15). “Il-verita’ teħliskom.” (Ġwanni 8:32)
- Ċentrali tibqa’ dejjem , maħluqa fuq ix-xbieha t’Alla.
- Huwa ċar ukoll li hemm post għal ħidma terapewtika ma’ dawn il-persuni (sew dawk li ġenwinament ibatu minn u kif ukoll dawk li għalihom tkun biss fażi li tgħaddi wara ftit xhur). Li wieħed jipprova jifhem mnejn ġejjin dawn il-ġibdiet u sentimenti, u kif l-aħar inwieġbu għalihom.
3. Lista ta’ “perikli” u kif il-familja Nisranija toffri dawl dwarhom: Periklu | Dawl mill-familja |
L-individwaliżmu: kulħadd għal rasu, jaħseb fih innifsu u fil-konvenjenza tiegħu/tagħha. Ix-xewqat ta’ kull individwu jsiru assoluti. Anki l-verità titnaqqar mir-Relattiviżmu. | Komunjoni: il-membri tal-familja li jgħixu għal xulxin u jfittxu l-ġid ta’ xulxin. Il-ħajja ta’ kull membru tal-familja ssir għotja, rigal, għal xulxin. Il-verità tingħata valur ogħla. |
Tnaqqir tal-indissolubbiltà: ir-rata tiżdied ta’ divorzji, imġieba sesswali mifruda mill-impenn u r-rabta taż-żwieġ, u l-koabitazzjoni dejjem iktar frekwenti, joħolqu l-idea ta’ rabtiet transitorji. | Il-fedeltà tul il-ħajja kollha tal-koppja, toffri xhieda ta’ patt dejjiemi; iż-żwieġ bħala sinjal tar-rabta bejn Kristu u l-Knisja tiegħu isaħħaħ il-kunċett ta’ permanenza. |
Il-Kultura tal-Mewt – leġiżlazzjoni li tiżvaluta l-ħajja umana (abort, ewtanażja eċċ.) u d-dell ta’ din il-kultura tal-mewt li jidħol saħansitra fi djarna. | Il-familja bħala santwarju tal-ħajja tħares lit-tarbija fil-ġuf u lill-persuni vulnerabbli jew anzjani, u tħabbar li l-ħajja umana hija invjolabbli (jiġifieri ma għandha qatt tintrema jew tiġi kalpestata). |
Il-Pornografija, l-isfruttament sesswali, u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem – dawn kollha jattakkaw id-dinjità tal-bniedem, l-iktar fir-realtà tal-ġisem u s-sesswalità tiegħu/tagħha. | Permezz tal-grazzja sagramentali, il-familja tgħallem viżjoni kasta, sagra u unittiva (jiġifieri li tgħaqqad lill-koppja flimkien) tas-sesswalità, u toffri viżjoni opposta għad-degradazzjoni li tiġi mill-kultura tal-pornografija. |
Iċ-ċaħda (marbuta mal-Ideoloġija tal-Ġeneru) tal-għeruq antropoloġiċi tal-familja – kunċetti żbaljati marbutin mas-sesswalità, id-dinjità, u l-missjoni tan-nisa fis-soċjetà u l-familja. | Il-familja ssostni l-verità antropoloġika li r-raġel u l-mara huma komplementari (maħluqa għal xulxin, anki fid-differenzi sesswali u emozzjonali tagħhom) u tħares l-ordni naturali taż-żwieġ. |
Il-Materjaliżmu u l-konsumiżmu li jagħtu viżjoni limitata u qarrieqa tal-ġid, u jippreżentaw id-dinja biss bħala opportunità għal sfruttament. | Il-familja tixhed għal ħajja orjentata lejn l-imħabba u stewardship tal-ħolqien, mhux biss lejn il-konsum. Tagħmel dan billi tipprattika il-ġenerożità, il-karità u l-ospitalità. |
Id-degradazzjoni tal-familja twassal għal aggressività, vulgarità u disprezz anki fil-ħajja pubblika u politika. Biżżejjed wieħed jara kif jitkellmu u jaġixxu ċerti politiċi, attivisti u kummentaturi (madwar diversi pajjiżi). | Il-familja Nisranija tiprattika rispett reċiproku u maħfra, u tgħallem is-sabar u r-rikonċiljazzjoni. U dawn huma valuri meħtieġa għad-djalogu fis-soċjetà iktar mifruxa u fil-mezzi tax-xandir. |
Ir-rwol tal-ġenituri bħala l-edukaturi primarji ta’ uliedhom jiġi imminat, meta l-istat jaħtaf għalih innifsu t-tagħlim tal-etika, is-sesswalità eċċetra. B’hekk idaħħal firda bejn l-ulied u l-ġenituri u fil-bqija tas-soċjetà. | Il-ġenituri jedukaw lil uliedhom fil-fidi u fil-valuri Nsara u b’hekk inisslu fihom umanità awtentika skont kif ħalaqha u xtaqha Alla l-Imbierek. |
L-assenza tal-Missrijiet mill-ħajja ta’ uliedhom twassal għal frammentazzjoni tas-soċjetà, aljenazzjoni, u tnaqqir tal-moralità. Żgħażagħ bla missier iktar hemm ċans li jidħlu f’gangs, jiġu radikalizzati f’ideoloġiji estremi (dawn l-iktar japplikaw għas-subien), jew isiru attivi sesswalment FERM iktar kmieni u promiskwi (jiġifieri ma’ bosta partners sesswali differenti) minn dak li hu normali u san (din tal-aħħar l-iktar li tapplika għall-bniet). | Missirijiet preżenti u attivi fil-ħajja tal-familji tagħhom isaħħu s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jibnu soċjetà iktar magħquda u stabbli. Joffru role-model san lil uliedhom (taż-żewġ sessi) dwar kif iġib ruħu raġel serju u ta’ valuri. Sintendi, l-omm ukoll għandha rwol essenzjali, u bosta single mothers jagħmlu sagrifiċċji enormi għal uliedhom. Iżda l-missier ċerrtament mhuwiex “bih u mingħajru xorta”. |
Il-pass mgħaġġel tal-ħajja li joħloq stress u nuqqas ta’ sigurtà u stabbilità. Dawn jattakkaw ir-rabtiet fi ħdan il-familja. | Id-dar bħala bejta u santwarju. Il-famija li żżomm ritmu ta’ ħajja flimkien (talb, ikliet, xogħol u mistrieħ) toffri rifuġju u appoġġ, u tpatti għall-anzjetà li kulma jmur qed taffettwa dejjem iktar persuni (anki żgħażagħ u tfal). |
Jiġi traskurat u minsi s-sens sagru taż-żwieġ u l-familja. Il-familja tiġi preżentat biss bħala “social construct” li jista’ jinbidel maż-żmien qisu mhu xejn u bla konsegwenzi. | Il-familja marbuta fi żwieġ sagramentali tfakkar li Alla għandu post primarju fil-familja, u li ż-żwieġ huwa sinjal awtentiku tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja u għad-dinja. |
Bħal fanal li jwaddab raġġ ta’ dawl sod u konsistenti fid-dlam u l-maltemp, il-Knisja mitluba toffri t-tagħlim tagħha dwar l-imħabba, l-impenn, id-dinjità tal-bniedem u tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, b’mod konsistenti u f’kull fażi tal-ħajja.
Ir-rgħajja spiritwali u dawk kollha nvoluti fil-pastorali familjari (tħejjija għaż-żwieġ, sostenn tal-familji, counsellors, eċċetra) imsejħa jkunu ħarriesa tad-dawl, jiġifieri jgħinu lill-familji jbaħħru fl-inċertezzi u l-maltemp tas-soċjetà ta’ llum, fid-dawl tal-Vanġelu u tal-veritajiet dejjiema li tgħallem il-Knisja.
It-tweġiba tagħna quddiem l-isfidi tad-dinja qatt ma tista’ tkun biża’ jew rabja, imma tama u mħabba. Bħalma nagħmlu fil-familji tagħna, fejn forsi nargumentaw u nirrabjaw għal xulxin, imma xorta nibqgħu nħobbu lil xulxin (suppost!). Ftakru fil-“platti jtiru” tal-Papa Franġisku!
1. Kompassjoni bla kompromessi
- Jeħtieġ nisimgħu bil-qalb lil dawk li jsofru jew li jsibu dan it-tagħlim diffiċli jew impossibbli, inkluż lil dawk li huma miġbuda lejn forom differenti ta’ “żwieġ” u “familja”, jew li tbegħdu mill-Knisja minħabba skandli jew weġgħat.
- Il-kompassjoni ta’ vera tidher mhux billi nabbandunaw il-verità u nibdlu t-tagħlim dejjiemi tal-Knisja, imma billi nimxu bis-sabar ma’ dawk li jsofru, u noffrulhom fejqan, faraġ, u akkumpanjament.
“Il-Knisja hi msejħa tkun id-dar miftuħa tal-Missier.” – Papa Franġisku, Evangelii Gaudium (n. 47)
2. Il-Familji bħala Missjunarji tat-Tama
- Il-familji nfushom jeħtieġ isiru MISSJUNARJI, billi juru li l-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ mhuwiex piż u toqol, imma triq lejn il-ferħ u l-ħajja fil-milja kollha tagħha.
- Meta jgħixu fedelment – u b’mod li jidher – il-valuri nsara tal-imħabba u l-maħfra, il-familji Nsara jiġbdu lill-oħrajn lejn id-dawl.
Iż-Żwieġ Nisrani u l-Familja mhumiex relikwi tal-imgħoddi; huma tama tiddi bl-isbaħ dawl għall-ġejjieni.
Diskors ta’ Dr Robert Tufigno President ta’ Kana
Wara l-introduzzjoni ta’ Fr. Brendan Gatt [bit-tema: “il-Familja Nisranija bħala Fanal ta’ Tama”], li nirringrazzja bil-qalb, nixtieq nilqaghkom ghal din il-laqgha generali annwali tal-Moviment ta’ Kana, ghall-bidu tas-sena pastorali tal-Moviment.
Biex nibda, bhala President gdid tal-Moviment ta’ Kana nixtieq niehu din l-okkazjoni l-ewwel biex nirringazzja lil Mons Arcisqof Charles Scicluna tal-fiducja li wera fija. Nittama li flimkien mal-membri tal-Kunsill nkun ta’ qadi kemm lill-moviment ta’ Kana u l-membri tieghu imma wkoll lil familji kollha f’Malta. Ghalhekk irridu nharsu l-barra u lil hinn mill-Moviment sabiex naqdu l-missjoni li ghandna fid-djocesi ta’ Malta. Nirringrazza wkoll lill-President emeritu tal-Moviment Dr. Joseph Cassar li f’dawn l-ahhar snin mexxa lil moviment b’ghaqal, determinazzjoni u umilta’, u nahseb ukoll b’sagrificcju personali. Ghalija huwa ezempju li, lanqas jekk irrid, ma nista’ ninsa qatt.

Ir-realta’ li nghixu fiha
Nahseb li f’din is-sena li ghandna quddiemna ghandna diversi realtajiet jew kwistjonijiet li jitolbu minna impenn. Dan li se nghid, ovvjament, irid jigi diskuss fil-Kunsill and wkoll, jekk ikun il-kaz, specjalment jekk jinvolvi l-operat tal-moviment fid-djocesi, mal-awtoritajiet ekklesjali. Mhux se nidhol f’dettall. Sejjer biss insemmihom fil-qosor hafna, biex meta jkun il-waqt id-diskussjoni tkun miftuha kemm jista’ jkun.
Pajjiz multikulturali Iz-zwigijiet naqsu, w inqas ulied jitwieldu u popolazzjoni li tixjieh
Pajjizna llum huwa multi kulturali. M’ghadux monolitiku kif kien hafna snin ilu. Mhux biss ghax ghandna hafna barranin jghixu Malta. Imma wkoll minhabba li l-Maltin, jew residenti f’Malta, ihaddnu diversi kulturi, religjonijiet diversi, imma wkoll nuqqas ta’ appartenenza lil xi religjon partikolari. Izda minkejja dan il-bniedem, irid jew ma jridx, jibqa’ religjuz. Il-kamp taghna hu dak tal-mizzewgin u tal-familja. L-isfida taghna huwa li nilhqu lil kulhadd, l-aktar lil dawk li, minkejja li jinhabbu u jixtiequ li l-imhabba tibqa’ ghal dejjem, jaghzlu – forsi minghajr ma jridu, u ghal diversi ragunijiet – li ma jizzewgux. Whud qatghu qalbhom li relazzjoni dejjiema hija possibbli, anki jekk jixtiequha. Ohrajn jaghzlu li jizzewgu, wkoll wara li jkollhom l-ulied. Ohrajn jizzewgu civilment u mhux bil-Knisja. Ohra, jizzewgu imma jaghzlu li jew ma jkollhomx ulied jew li jkollhom wild wiehed. Ohrajn iz-zwieg taghhom jitkisser, u wara jibnu relazzjoni ohra u forsi jergghu jizzewgu. Qed naraw wkoll nuqqas fit-twelid ta’ l-ulied, bidla demografika, li fiz-zmien, jekk it-trend tibqa’ kif inhi, twassal ghall-bidla kemm f’dawk li huma Maltin llum, u kemm f’dik li s’issa ghadna nsejhulha kultura Maltija. Dan mhux fenomenu Malti biss. Qed naraw li qed jigri l-istess fil-pajjizi kollha zviluppati. Jien nahseb illi ir-ragunijiet li jwasslu ghal tnaqqis fiz-zwigijiet (kif ukoll relazzjonijiet stabbli), it-tkissir taghhom, u nuqqas tat-twelid tal-ulied huma sfidi li ma nistghux ninjorawhom. Lanqas ma nistghu ninjoraw il-bidla demografika li qed issehh minhabba li it-tul tal-hajja generalment zdied. Fejn jidhol t-twelid ta’ l-ulied (birth rate), issa dan l-ahhar smajna kemm Monsinjur Arcisqof (ara omelija tat-8 ta’ Settembru, 2025) jirreferi ghal ghal dan kif ukoll lil Ministru tal-Finanzi. Tabilhaqq Monsinjur Arcisqof ilu jsemmi din il-kwistjoni (ara omelija tat-13 ta’ Dicembru, 2024 u indirizz tal-25 ta’ Dicembru, 2024 fejn kien qal “ Nieħdu ħsieb li nagħmlu esperjenza ta’ tama għaż‑żgħażagħ tagħna; nibnu kultura ta’ tama għall‑futur u għall‑ġenerazzjonijiet li ġejjin biex fihom ikollna l‑barka tal‑ulied. Illum, waqt li qed niċċelebraw il‑barka tat‑twelid ta’ tarbija, ejjew nibqgħu napprezzaw il‑valur li ġġib tarbija lis‑soċjetà. M’għandniex għalfejn nibqgħu biss nitbikkmu, jew inkella nsewdu qalbna, għaliex għandna l‑primat fl‑Ewropa tal‑inqas twelid fil‑popolazzjoni tagħna. Hemm bżonn li nieħdu passi konkreti, kulħadd skont ir‑responsabbiltà tiegħu, biex noħolqu l‑ambjent favorevoli biex il‑koppji żgħażagħ jimtlew bit‑tama, jibnu l‑bejta tal‑imħabba tagħhom u din timtela bil‑barka tal‑ulied .”) Ma nistghux nikkuntentaw b’dak li Papa Frangisku f-diskors tat-12 ta’ Mejju, 2022 kien sejjah “faqar gdid” jew “faqar tragiku” fejn iz-zaghzagh isibuha tqila li jirrejalizzaw il-holma taghhom ta’ familja u jispiccaw ixejnu il-kejl tax-xewaqt taghhom ghal sostituti medjokri bhan-negozju, safar u karozzi. Il-Papa b’niket irrefera ghal dan il-faqar fit-tnissil ta’ dawk li jxejnu ix-xewqa taghhom ghal ferh u jikkuntentaw li jbaxxu l-aspirazzjonijiet taghhom, billi jikkuntentaw b’inqas u ma jittamawx ghal aktar.
Kultura predominanti
Ir-ragunijiet ghal dan l-istat ta’ fatt jistghu ikunu diversi. Imma ma nilludux rwiehna illi huma ta’ natura finanzjarja jew ekonomika biss. Jien nahseb illi l-kultura predominanti hija kontra iz-zwieg u l-familja u t-twelid tal-ulied. Jigini f’mohhi li minkejja li ahna pajjiz li hrigna mill-kolonjalizmu is-seklu l-iehor, ahna illum kolonja idejologika forsi minghajr ma ndunajna. Din l-ideologija hija marbuta intimament mal-individwalizmu u mal-principju ta’ awtodetminazzjon, mal-kultura fejn il-bniedem minkejja dak kollu li jinghad m’ghadux suggett liberu tassew, izda sar prodott. Il-bniedem li jahseb li ghandu u ghandu jkollu kontroll fuqu nnifsu, qisu li bir-rieda tieghu jista’ jaghmel li jrid b’gismu, b’hajtu, bil-hajja ta’ dak li ghadu ma twelidtx, bis-sentimenti tieghu u ta’ haddiehor, fir-realta’ ma johloqx lil nnifsu. Hu mahluq u ma jistax jinjora dan il-fatt tant baziku. Hija wkoll kultura fejn il-prospettiva ta’ affettivita’ fit-tul hija nieqsa, fejn l-immedjat huwa l-aktar importanti.
M’inhu l-bniedem? Il-mistoqsija antropologika
Dan iwassalna biex nistaqsu x’inhu u min hu l-bniedem? Tghiduli, din hija mistoqsija, ta’ natura antropologika, tirreferi ghall-bniedem. Kif tolqot lil mizzewgin u l-familja? F’dan il-kuntest jigini f’mohhi dak li kien qal Papa Benedittu XVI. F’diskors li hu kien ghamel fis-6 ta’ Gunju, 2005
lid-Djocesi ta’ Ruma waqt konferenza bit-titlu “Family and Christian community: formation of the person and transmission of the faith”, kien qal hekk: “The question of the right relationship between the man and the woman is rooted in the essential core of the human being and it is only by starting from here that its response can be found. In other words, it cannot be separated from the ancient but ever new human question: Who am I? What is a human being?”
It-tama taghna
Il-Kristjanizmu, mhux biss jekk imxandar imma fuq kollox li tghixhu, juri li l-ideologija jew kultura predominanti li semmejt qabel, minkejja l-attrazzjoni taghha, hija illuzorja u kontra l-bniedem. Hija ta’ hsara lil generazzjonijiet ta’ llum u aktar u aktar lil dawk futuri. Ahna nafu, ghax skoprejnih u ghexnih, illi Kristu huwa t-Twegiba ghal dawk il-mistoqsijiet profondi u bazici (s-sens religjuz), li fid-dawl taghhom il-bniedem jghix, jahseb, jiggenera, jkun kreattiv u jhalli l-impatt tieghu fl-istorja. Din it-Twegiba hija favur il-hajja, l-imhabba tassew, u kontra l-kultura tax-xejn (nihilizmu) u tal-mewt. Il-hajja hija tant sabiha, li ma tistax zzommha biss ghalik jew ghal gheziez tieghek: trid tkun miftuha ghal aktar hajja. Fil-kuntest stroriku li qeghdin fih, dan jitlob minna azzjoni missjonarja ghaqlija – li ma tiswa xejn jekk ma tkunx riflessa, bil-limiti kollha li jista’ jkun hemm, fl-esperjenza tal-familji taghna. Jehtieg illi kull ma naghmlu, nghidu u fuq kollox kif nghixu, minkejja in-nuqqasijiet tgaghna, juri li t-tama taghna hija fi Kristu, prezenti illum permezz tal-Knisja (bhala prolungazzjoni tieghu fl-istorja). Kristu u l-komunjoni li johloq bih u fih nnifsu huwa t-tama taghna. Fih biss hemm it-tama, u ahna bhala kompartecipi fl-imhabba tieghu,
nikkontribwixxu biex tkun tista’ taraha u tmissha, u taghmel esperjenza taghha. Ma nistghux nibqghu lura. Il-fidi taghna, l-mod kif nghixu, mhux biss fil-hajja normali, imma wkoll fid-diffikultajiet u sfidi, ssir attrazzjoni, li kulhadd jista’ jaraha. Li t-Tama taghna ma tqarraqx issir esperjenza li tigbdek lejha. B’hekk “il-Familja Nisranija [tkun] bħala Fanal ta’ Tama”, jigifieri fanal ta’ Kristu li hu t’tama taghha. Il-familji jkunu u jsiru protagonisti ta’ holqien ta’ kultura aktar umana, ta’ civilta’ ta’ l-imhabba.
Id-dinja konkreta li nghixu fiha u l-polis
Izda il-bniedem u l-familji ma jghixux f’kuntest astratt barra mir-realta’ konkreta ta’ kuljum. Il-familja jehtiegilha li tkun sostnuta mill-polis, mill-belt tal-bnedmin. Irridu naraw jekk dan hux qed isehh b’mod adegwat u effettiv, li jmur lil hinn minn targets li jkunu short term. Iz-zaghzagh kif wkoll dawk inqas zaghzagh irid ikollhom ambjent li fih jistghu jilhqu il-milja taghhom: dik ta’ imhabba dejjiema li tinbet f’hajja gdida. L-ulied ta’ llum – il-generazzjonijiet futuri – ma nistghux nitfghu fuqhom piz li jkun tqil wisq ghalihom. Dan ikun egoizmu kbir minn naha taghna, l-generazzjonijiet ta’ llum. Dan jitlob politika favur il-familji u t-twelid tal-ulied, kif ukoll politika li thares lejn is-solidarjeta’ bejn il-generazzjonijiet, dawk prezenti u dawk futuri.
Il-familja bhala suggett
Fil-Familiaris Consortio, San Papa Gwanni Pawlu II kien talab lil familja tkun dak li hi: Familja kun dak li int! Din l-esortazzjoni ta’ San Gwanni Pawlu II tindika illi l-familja mhiex biss oggett ta’ pastorali izda wkoll suggett tall-pastorali, suggett li jkun konxju tal-identia’ tieghu u jghixha. Il-familji huma wkoll suggetti socjali (bhala l-ewwel cellula tas-socjeta’) u “protogonisti” ta’ dik li hi magħrufa bħala “il-politika tal-familja” u “jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà li jbiddlu għat-tajjeb lis-soċjetà”. Dankollu ikun aktar effettiv u l-familji jaqdu l-missjoni taghhom ahjar jekk il-familji ikunu maghqudin. F’dan il-kuntest wiehed ma jistax ma jsemmix illi generalment fil-qasam ekonomiku il-familja hija kkunsidrata bhala konsumatur u mhux bhala rizorsa.
L-akkumpanjamenti tal-familji u hajja komunitarja
Jehtieq li nifhmu l-importanza tal-komunita’ ekklezjali (Knisja, parrocci, movimenti, assocjazzjonijiet, gruppi) li ghandha takkumpanja lill-familji bhala knisja domestika (ara pjan pastorali Knisja Wahda Vjagg Wiehed). Dan ikun okkazjoni wkoll biex il-Moviment ta’ Kana u l-komunitajiet Insara jipproponu u jaghtu akkumpanjament lill-koppji, specjalment lil dawk li jkun qed jibdew il-hajja tal-familja taghhom, biex jghixu l-vokazzjoni taghhom. Il-preparazzjoni ghaz-zwieg ghandha fejn possibbli tkompli f’mixja ma’ familji ohra solidali flimkien f’hajja komunitarja, ovvjament b’rispett lejn il-liberta’ ta’ kulhadd.
Ir-rwol u missjoni edukattivi tal-familja
Tkellimt dwar il-familja, u l-kwistjoni tat-tnissil ta’ hajja gdida. Ghalina it-tnissil (li tiggenera l-hajja) mhux biss fatt biologiku. Huwa wkoll process (i) ta’ introduzzjoni ghar-realta’ shiha, kollha kemm hi u ghalhekk wkoll ghat-tifsira taghha – rwol edukattiv, u (ii) ta’ generazzjoni fil-fidi. Dan huwa r-rwol edukattiv tal-familja; hu dover li l-genituri ma jistghux jirrinunzjaw ghalih. F’dan ir-rwol il-genituri jghaddu lil uliedhom dak li ghandhom l-aktar ghal qalbhom u li lilhom kien ta’ siwi biex jghixu il-prezent bhala parti mill-eternita’.
Kana: l-presenza u l-operat tieghu
Din mhiex missjoni tal-familji individwalment. Dak li l-Moviment ta’ Kana jista’ jkollu bhala agenda tista’ tkun differenti minn dik tal-istat jew ta’ operaturi ohra. Ahna m’ahniex NGO normali bhall ohrajn, m’ahniex agenzija filantropika. Ahna ghandna ir-responsabblita’ kemm tal-frieghi kif ukoll ta’ dak li qabel kenet tissejjah Kummissjoni Djocesana Familja. Ghalhekk agenda li ma jkollhiex lil Kristu bhala l-bidu u t-tmiem, jew ahjar lilu li jaghti konsistenza lill-ezistenza, identita’, missjoni u operat tal-familji nsara, tista’ tkun agenda tajba imma qarrieqa, ridotta jew inadegwata, ghax tinjora li hu Hu dak kollu li ghandna bzonn. Lil hinn minn Kana Ahna m’ahniex wahdena fil-qasam tal-familja. F’Malta hawn hafna realtajiet li b’xi mod jew iehor imissu l-familji. Il-moviment ta’ Kana jista’ jkun katalist biex kull min jahdem fil-kamp tal-familja jew mal-familji ikun jista’ jaqsam l-esperjenza tieghu mal-ohrajn. Immur lil hinn minn dan. Nahseb illi l-moviment ta’ Kana ghandu d-dover li jara li dan isehh.
Gheluq
Nittama li dan id-diskors jixpruna lilna lkoll biex b’realizmu u kuragg naghmlu hilitna biex inkunu leali lejn it-Tama li ma’ tqarraqx.