Stqarrija mill- Moviment ta’ Kana, rigward id-diskussjoni pubblika li qed issir dwar is-suwiċidju assistit.

01/07/2025   

Il-Moviment ta’ Kana jagħmel riferenza għall-pubblikazzjoni ta’ dokument li l-Gvern għamel bħala bażi ta’ diskussjoni pubblika dwar is-Suwiċidju Assistit.  B’dan id-dokument qasir hu qed jagħti l-krontribut tiegħu.

Il-Moviment ta’ Kana huwa kontra li tiddaħħal f’Malta l-ewtanasja volontarja assistita li fi kliem ieħor mhi xejn ħlief suwiċidju assistit. Dan id-dokument jitkellem dwar “kriterji, salvagwardji u proċeduri” meta wieħed li jkollu marda terminali jista’ jirrikorri għas-suwiċidju assistit. Iżda jieħu bħala skontat illi s-suwiċidju assistit għandu jkun permess, qisu bħal sinjal ta’ progress u ċivilta’. Hekk iriduna naħsbu!

Din id-diskussjoni pubblika ġiet imnedija meta f’pajjiżi oħra kien hemm moviment sabiex jiġi permess is-suwiċidju assistit. Qisu li ċ-ċivilta’ tiddependi minn kemm timxi mal-kurrent jew minn kemm toqgħod għal dak li Papa Franġisku kien isejjaħlu “kolonjaliżmu ideoloġiku”.  Dak li qed jiġi propost għad-diskussjoni mhux sinjal ta’ progress jew ta’ ċivilta’. Huwa l-oppost. Huwa ritorn għal dawk iż-żminijiet li fihom min kien dgħajjef kien piż u skart u ma kienx jixraqlu jgħix. M’għandniex ninsew illi kien il-Kristjaneżmu li biddel il-kultura Griega u Rumana li kienet tiċċelebra il-poter ta’ min hu b’saħħtu fuq il-ħajja ta’ min kien f’għajnejhom inqas. Kien il-Kristjaneżmu li ta għarfien u ddefenda lil
min hu vulnerabbli, batut u min kien fqir. Is-suwiċidju assistit, anki jekk tipprova tiġġustifikah
fuq id-dinjita’
 ta’ min hu batut, fir-realta’ tkun qed tnaqqaslu ħajtu, tnaqqsilha l-valur tagħha, u tnaqqaslu d-dinjita’ tiegħu.

Aħna jidhrilna illi l-persuna li tkun qed tbati jixirqilha l-aħjar kura paljattiva sabiex hija tkun tista’ taffronta t-tbatija b’serenita’ u b’dinjita’ u mhux taqta’ qalbha u tirrikorri għas- suwiċidju. Min ikun f’ din il-pożizzjoni għandhu jiġi megħjun sabiex ma jitlifx it-tama fid- dinjita’ tiegħu speċjalment fl-iktar mumenti diffiċli tiegħu. Is-suwiċidju assistit huwa sinjal tas-sfiduċja tas-soċjeta’ fil-ħajja mill-bidu tagħha sat-tmien tagħha, speċjalment meta l-persuna tkun f’mument kritiku ħafna. Hija għażla ta’ soċjeta’ li bil-fatti tkun qed tħares lejn il-ħajja bħala xi ħaġa li tista’ tiddisponi minnha (il-ħajja issir disposable) u l-agħar meta dan isir fl-aktar mumenti diffiċli; is-soċjeta’ tkun għażlet li minnflok tipproteġi lil min ikun dgħajjef u tgħinu jgħożż l-ħajtu, jiġifieri lilu nnifsu fl-istat li jkun fih, u jgħix ħajtu hekk kif inhu, tgħidlu li ħajtu, minħabba f’saħħtu u t-tbatija, m’ għandiex valur. Jekk is-soċjeta’ tippermetti is-suwiċidju assistit, dan inevitabbilment joħloq kultura fejn is-suwiċidju jsir għażla ta’ kif taffronta t-tbatija u d-dwejjaq, speċjalment f’min hu għaddej minn diffikultajiet emozzjonali u psikoloġiċi. Bl-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit jinħoloq ambjent fejn min ibati, anki jekk jagħżel li joqtol lilu nnifsu, fir-realta’ ikun qed jgħix f’ambjent fejn iħoss li aħjar ineħħi ħajtu milli jkun piż għal ħaddieħor. jista’ jiddeċiedi dan minn qabel permezz tat-testment bijoloġiku. Bis-suwiċidju assistit il-ħajja titlef il-valur intrinsiku tagħha u ssir bħala oġġett li tagħmel minnha li trid. Imma l-ħajja mhux hekk. Bis-suwiċidju assistit it-tabib jew il-professjonist mediku minflok jgħinek tgħix, jgħinek toqtol lilek innifsek.  

Aħna bħala Moviment Kattoliku ma nistgħux ma nħarsux lejn dak Ġesu’, li aktar minn elfejn sena ilu daħal fl-istorja u wriena kif tgħannaq it-tbatija permezz tas-sagrifiċċju ta’ ħajtu. Hu stedinna nimxu warajh biex insibu l-ħajja. Hu ta bidu għal kultura ġdida fejn kull ħajja għandha valur infinit, ikunu x’ikunu iċ-ċirkostanzi li tinsab fihom. Din il-kultura llum għadha magħna. Hija kultura umana fl-interess tas-soċjeta’ u aktar minn hekk ta’ l-aktar vulnerabbli. Id-deċiżjoni hija jekk irridux din il-kultura tal-ħajja tkompli u tikber, jew bil-maqlub. Is-suwiċidju assistit huwa kontra din il-kultura tal-ħajja.

Aħna nħarsu lejn nies bħal Cicely Saunders li fl-Ingilterra waqqfet il-moviment tal-“hospice” permezz ta’ St. Christophers Hospice, fuq tradizzjoni nisranija ta’ kif tħares lejn it-tbatija u tikkonfrontaha mingħajr ma telimina min ikun qed ibati. Hija kienet pijuniera ta’ kif tista’ tgħin lil min ikun għaddej minn mard terminali u tgħinu jgħix ħajtu sal-aħħar b’dinjita’. Saunders kienet pijuniera tal-kura paljattiva. F’Malta l-inizjattiva tagħha ssoktat permezz ta’ Hospice Malta, li jurina liema hija t-triq li f’Malta għandna nieħdu.

Is-suwiċidju assistit huwa kontradizzjoni għall-kura paljattiva; iħott dak li l-kura paljattiva tirrappreżenta. Huwa wkoll soluzzjoni irħas minn dik tal-kura paljattiva. Iżda aħna jidhrilna li l-ħajja sal-aħħar mument tagħha tiswa aktar mill-mewt. Il-futur għal pajjiżna u kull min jgħix fih jitlob aktar investiment fil-kura paljattiva u li jiġu sostnuti dawk l-organiżżazzjonijiet li jagħtu servizzi paljattivi u għajnuna lill-familjari tal-morda. 

Forsi jenħtieġ illi s-soċjeta’ Maltija tagħraf illi t-tbatija, anki jekk krudila, għandha valur kbir, mhux biss għal min ikun għaddej minnha imma wkoll għal dawk ta’ madwaru. Ma nistgħux inħallu lil min ikun qed ibati waħdu, fejn l-unika soluzzjoni tkun tidher li tkun s-suwiċidju. Min hu daqshekk vulnerabbli jeħtieg l-imħabba u mhux l-abbandun għas-suwiċidju. Din l-imħabba mhiex teorija. Aħna rajniha u għadna narawha f’Ġesu’ li ma telaqniex waħedna għal rasna. Hu għadu preżenti f’dawk li ltaqgħu miegħu u qasmu l-imħabba tiegħu ma’ xulxin, fejn il-ħajja għandha valur assolut. Għalhekk irridu ċivilta’ tal-imħabba.

 

Moviment ta’ Kana

1 ta’  Lulju, 2025