L-Assemblea Ġenerali tal-IEEF inżammet f’Malta
Artilku Luke Vella – News Book Malta. Ritratti Erika Lanzafame
Prof. Jean Calleja Agius, waħda mill-kelliema fil-konferenza, qalet ma’ Newsbook Malta li qed qed “ngħixu f’pajjiż li l-fertilità qiegħda tonqos u dan hu rifless tad-dinja żviluppata.”
Hi kompliet li għaldaqstant wieħed għandu jżomm f’moħħu l-iktar affarijiet bażiċi li ħafna drabi jintesew. Fosthom semmiet kif hu tajjeb li wieħed jieħu ħsieb saħħtu u għaldaqstant il-piż – “la żżejjed u lanqas in-nieqes”, li jiġi evitat it-tipjip u x-xorb alkoħoliku kif ukoll li wieħed ma jikkunsmax drogi.
Dan intqal fil-konferenza dwar il-fertilità u n-nuqqas tagħha, organizzat mill-Istitut Ewropew għall-Edukazzjoni tal-Familja (IEEF). Matulha saru żewġ indirizzi: preżentazzjoni minn Prof. Jean Calleja Agius dwar l-irwol tal-Ippjanar Naturali tal-Familja (NFP – Natural Family Planning) fid-dawl tal-fertilità, u indirizz ieħor minn Dr Micaela Menarguez dwar il-bilanċ fis-saħħa ormonika tan-nisa u l-awtonomija personali.
Il-kelliema u l-Professur tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija qalet li l-NFP għandu postu fis-soċjetà kontemporanja, hekk kif dan huwa l-ewwel pass.
“Kull min jiżżewweġ bil-Knisja jaf li fil-korsijiet ta’ Kana jingħadda l-NFP lill-koppji li jattendu. Dan għaliex li int tagħraf il-fertilità tiegħek bħala mara u bħala koppja huwa importanti għaliex tagħraf is-sistema riproduttiva tiegħek u anke biex jekk ikun hemm xi problema, tindirizzaha u tirranġaha mill-iktar fis,” sostniet.
Hija spjegat li f’każ li dan kollu ma jwassalx għal riżultati mixtieqi, ikun hemm il-lok għal interventi oħrajn biex jiġu aġġustati sistemi li jgħinu lil koppja biex ikollha t-tfal.
Hija kompliet li “f’Malta, aħna xxurtjati li għandna dawn is-servizzi disponibbli, però ma għandniex ninsew li għandna nibdew mill-ewwel pass: li nifhmu ċ-ċiklu riproduttiv tagħna.”
X’jagħmel l-Istitut Ewropew għall-Edukazzjoni tal-Familja?
L-għan tal-IEEF, li ilu mwaqqaf 62 sena hekk kif jaf il-bidu tiegħu fi Grenoble ġo Franza fl-1962, huwa li tagħti s-sostenn lill-familji billi tipprovdi l-edukazzjoni dwar l-aspett ta’ familja lill-koppji, kif ukoll il-preparazzjoni għal żwieġ san u miftuħ għall-ħajja. Huma joħolqu wkoll kuxjenza dwar il-fertilità kif ukoll l-NFP.
Il-koordinatriċi tat-tim responsabbli mill-Kuxjenza dwar il-Fertilità (F/A) u n-NFP Pauline Tufigno qalet ma’ Newsbook Malta li din l-assemblea li ssir f’pajjiżi differenti tal-Ewropa, din id-darba qed issir f’Malta hekk kif il-Moviment ta’ Kana huwa wieħed mill-membri fi ħdan l-IEEF. Għal din il-konferenza li qed issir f’Mount St Joseph ġewwa l-Mosta, qed jattendu madwar 38 delegat mill-Ewropa kollha li qed jirrappreżentaw 18-il organizzazzjoni minn 15-il pajjiż.
Il-Moviment ta’ Kana joffri servizzi għal problemi ta’ infertilità fost oħrajn
Pauline Tufigno li hija wkoll fit-tim tal-Moviment ta’ Kana spjegat kif il-Moviment ta’ Kana ma jassistix biss il-koppji qabel iż-żwieġ, iżda wkoll fil-perkors tal-ħajja miżżewġa.
Is-servizzi ta’ terapija u appoġġ jikkonsistu minn:
- servizz ta’ counselling u psikoterapija għall-koppji u individwi
- servizz psikoloġiku għat-tfal u għal adolexxenti
- servizz ta’ terapija tal-familja
- servizz ta’ Infertility Counselling u appoġġ
- servizz ta’ rikonċiljazzjoni għall-koppji u għall-familji
- servizz ta’ coaching personalizzat għal ġenituri jew kustodji tat-tfal jew adoloxxenti
Spjegat li fost is-servizzi terapewtiċi għall-koppji dwar il-familja, ir-relazzjonijiet kif ukoll minħabba sitwazzjonijiet personali, hemm ukoll servizz ta’ counselling minħabba l-infertilità.
Il-Moviment ta’ Kana, li twaqqaf 6 snin qabel l-IEEF, huwa membru tal-IEEF flimkien ma’ bosta organizzazzjonijiet oħrajn fl-Ewropa. Il-Moviment li wkoll iżomm il-familja fil-qalba tal-missjoni tiegħu, jassisti l-koppji mhux biss qabel iż-żwieġ fl-hekk imsejħin “Il-Kors ta’ Kana” iżda wkoll fil-ħajja miżżewġa. Dan għaliex il-Moviment għandu servizzi li jgħinu lill-membri tal-koppja fid-diffikultajiet personali jew fil-problemi tar-relazzjoni, jgħin biex jissaħħu ż-żwieġ u l-familja, kif ukoll jirsisti biex jippromwovi l-ħajja miżżewġa bħala waħda li ma tinħallx, leali u miftuħa għall-ħajja.
Il-Moviment ta’ Kana wkoll jipprovdi dawn il-korsijiet tal-ippjanar naturali tal-familja sabiex tingħata opportunità lill-koppja biex isiru jafu aktar dwar kif jaħdem il-ġisem u l-fertilità tagħhom, biex jitgħallmu iktar dwar is-sabiħ tas-sistema riproduttiva (kemm dwar kif tista’ tinqabad tqila jew kif tista’ tevita tqala b’mod responsabbli u naturali), kif ukoll biex jiddjalogaw u jiddeċiedu flimkien fuq realtajiet tant importanti u sbieħ fil-ħajja taż-żwieġ.
Il-Moviment jipprovdi wkoll kors ta’ taħriġ fuq kif trabbi t-tfal, fejn jiġu ppreżentati u diskussi prattiċi li jgħinu lill-koppja taffaċċja b’mod pożittiv l-isfidi li ġġib it-trobbija. Dawn il-korsijiet joffru sapport billi jgħinu lill-ġenituri jagħrfu l-bżonnijiet tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom fiċ-ċirkustanzi tat-trobbija.
1700 persuna użat is-servizz ta’ terapija tal-Moviment ta’ Kana
Tufigno qalet li matul is-sena li għaddiet kien hemm 1697 persuna li għamlu użu mis-servizz ta’ terapija u appoġġ li għandu l-Moviment ta’ Kana. Dan filwaqt li 28 persuna oħra għamlu użu mis-servizz ta’ psikjatra, u 15-il persuna oħra użaw is-servizz ta’ avukat.
Matul is-sena li għaddiet, il-Moviment ta’ Kana ħejja 797 koppja għaż-żwieġ permezz tal-kors mandatorju li jipprepara lill-koppja għall-ħajja miżżewġa, liema kors hu ssuġġerit li jsir sentejn qabel iż-żwieġ. Mill-kważi 800 koppja li attendew għall-“kors ta’ kana” kienu 9 koppji biss li attendew għall-korsijiet tal-ippjanar naturali tal-familja (NFP).
Min-naħa l-oħra kien hemm 67 persuna li attendew għall-korsijiet ta’ positive parenting.