Catholic Voices Malta flimkien mal-Azzjoni Kattolika Maltija, Christian Life Community (Malta), Komunjoni tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku f’Malta, Moviment ta’ Kana, Society of Christian Doctrine (M.U.S.E.U.M.) – Sezzjoni Irġiel, The Mission Fund u ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika Maltija) qed jissottomettu Position Paper formali b’reazzjoni għall-White Paper maħruġa mill-Gvern “Towards the Strengthening of the Legal Framework on the Responsible Use of Cannabis” (Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali dwar l-użu Responsabbli tal-Kannabis).
It-tmien organizzazzjonijiet jesprimu t-tħassib tagħhom li l-bidliet fil-liġi hekk kif proposti mill-Gvern ma jagħmlu xejn biex jissaħħaħ il-qafas legali madwar l-użu tal-Kannabis, u b’mod mhux korrett, ir-riforma tiġi msejħa għall-“użu responsabbli” tal-kannabis.
Filwaqt li l-imsemmija White Paper tesprimi preokkupazzjoni dwar l-effetti u l-ħsara li tiġi ikkaġunata mill-użu tal-kannabis, minn naħa l-oħra qed tippromovi l-użu mhux ikkontrollat billi tipproponi li jiġi rdoppjat l-ammont permess li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu u tikkwadrupla l- l-limiti għall-kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis.
L-iktar li jikkonċernana huwa l-fatt li l-Gvern, permezz ta’ din il-White Paper, qed jinkoraġġixxi l-użu tal-kannabis speċjalment lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li hija l-iktar f’riskju serju tal-effetti negattivi u l-ħsara fit-tul li l-konsum ta’ din id-droga jikkaġuna.
Mingħajr l-ebda dubju l-kannabis użata għall-raġunijiet rikreattivi m’għandha l-ebda waħda mill-proprjetajiet li għandha l-kannabis mediċinali. Għaldaqstant l-proprjetajiet tagħha jikkaġunaw biss ħsara, speċjalment fil-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa.
It-tħassib ewlieni tagħna huwa li:
• Il-White Paper hi nieqsa kompletament milli tesponi r-riskji li l-użu tal-kannabis fuq medda twila ta’ żmien tippreżenta fl-iżvilupp mentali u s-saħħa fiżika taż-żgħażagħ.
• Il-proposti kif ippreżentati qed iservu biss biex tiġi ikkummerċjalizzata aktar id-droga. Għalhekk l-iktar li ser jibbenefikaw minn dawn il-proposti huma dawk li l-interess tagħhom huwa li jfittxu li jagħmlu l-flus mid-dgħjufija u l-vulnerabbiltajiet tan-nies. Il-White Paper hija nieqsa milli tippreżenta qafas ikkontrollat biex jiġi żgurat “l-użu responsabbli”.
• Il-White Paper hija bbażata fuq ipotesi żbaljata li l-individwi kollha jistgħu u se jibqgħu jużaw id-droga b’mod “responsabbli”, u tinjora fatti xjentifiċi li użu frekwenti jesponi għall-vizzju (addiction) lil min juża din id-droga u li tista’ twassal lil persuna għall-konsum ta’ drogi aktar perikolużi.
• Il-kannabis tista’ tagħmel inqas ħsara minn drogi oħra, iżda ma tistax titqiegħed fl-istess keffa tal-alkoħol u s-sigaretti, li l-użu tagħhom għandu ukoll jiġi skoraġġit aktar.
• 4 pjanti tal-kannabis jistgħu jipproduċu aktar minn 8,000 gramma kannabis. Kemm il-doża ta’ grammi kuljum tista’ persuna tikkonsma b’responsabilita’ qabel ma jsir vizzju, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu? Żidiet ulterjuri fil-limiti tal-pussess għandhom jiġu ikkunsidrati biss wara li jkunu ġew ikkummissjonati u konklużi studji serji u profondi.
• Il-White Paper ma tindirizza l-ebda waħda mill-effetti negattivi u l-konsegwenzi soċjali li l-konsum jista’ jġib miegħu bħal: waqfien mill-iskola, ħiliet baxxi fil-qasam tax-xogħol u nuqqas ta’ kisbiet professjonali. Hija ta’ ħasra li l-White Paper tinjora dan kollu, b’mod konvenjenti, wara li l-investiment kollu li jagħmel pajjiżna fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna. X’ħela!
Iż-żgħażagħ tagħna jistħoqqilhom Ispirazzjoni u mhux Vizzji
Aħna nemmnu li l-Istat għandu jżid l-isforzi tiegħu biex jispira liż-żgħażagħ tagħna biex itejbu s-saħħa u l-ħajja tagħhom inkluż:
• Proposti għal stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha, mhux il-promozzjoni ta’ abbuż ta’ sustanzi li jagħmlu ħsara lil saħħithom.
• Investiment fl-infrastruttura sportiva, spazji għall-kultura u l-arti u divertiment sigur.
• Fi żminijiet ta’ sagrifiċċju għadha tiġi promossa l-kura u l-protezzjoni tas-saħħa ta’ xulxin, aktar milli jiġu promossi modi ta’ kif tinqered is-saħħa.
L-ebda familja ma hija ħielsa milli xi ħadd maħbub jispiċċa vittma tal-pressjoni tal-bejjiegħa tad-droga. Irridu Gvern li jiġġieled it-traffikanti u mhux wieħed li jilliġittimizza intenzjonijiet qarrieqa tagħhom.
Pajjiżna jinvesti ħafna sforzi u fondi fl-edukazzjoni u biex jippromwovi l-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna. Għaliex irridu nitilfu dan kollu fl-interess kummerċjali tal-ftit li jfittxu li jagħmlu l-flus fuq x-xewqa għall-kuntentizza ta’ wliedna u mhux għall-ġid komuni?
Iż-żgħażagħ tagħna jistħoqqilhom Ħafna Aħjar!